Il-kawża għal €17m kontra żewġ kumpaniji Maltin turi responsabbiltà – Il-Vatikan

Il-Direttur tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan, Greg Burke, qal li d-deċiżjoni tal-Bank tal-Vatikan (IOR) li jiftaħ kawża fil-Qrati Maltin kontra żewġ kumpaniji Maltin, turi li l-Bank qed jerfa’ r-responsabbiltà dwar abbużi li saru fil-passat.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt ħabbar li l-kumpaniji Maltin huma Futura Funds Plc u Futura Investments Management u li l-Vatikan qed ifittixhom għas-somma ta’ €17-il miljun.
Burke kien qed jiddeskrivi s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Istitut għall-Opri tar-Reliġjon (IOR), u għaliex ħalla f’idejn il-maġistratura Maltija biex tiddetermina hi kemm saret ħsara lill-IOR minn dawn il-kumpaniji.
Il-każ idur ma’ tranżazzjonijiet li jmorru lura sal-2013, meta l-Bank tal-Vatikan investa somom ta’ flus f’Futura Funds li Burke qal li jammontaw għal €17-il miljun. Dan kien parti minn telf akbar li sofra l-Bank tal-Vatikan li kien ta’ aktar minn €230 miljun.
Il-tliet diretturi tal-kumpaniji li ġew imħarrka mill-Bank tal-Vatikan huma t-Taljan Alberto Matta u l-Maltin l-Avukat Frank Chetcuti Dimech u Joseph Xuereb.
Skont The Malta Independent l-Imħallef Wenzu Mintoff mistenni jippesiedi dan il-każ fil-Qorti Maltija.
Sa mill-2012 kien hemm ix-xamma li l-Bank tal-Vatikan kien jintuża minn uħud għal investimenti suspettużi u  ħasil ta’ flus jew evażjoni tat-taxxa, kif kien irrimarka d-Direttur tal-Bank tal-Vatikan, German Ernst von Freyberg, meta ġie appuntat minflok Ettore Gotti Tedeschi.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, fl-2016 l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ma ppermettitx lil Futura Investment Managment issir dak li fl-industrija huwa magħruf bħala full Alternative Investment Fund.
Anzi dakinhar l-MFSA tat direttivi lill-kumpanija, fosthom biex tnaqqas il-livell ta’ negozju tagħha u li l-assi tagħha jinżammu taħt il-€100 miljun.
Fl-2013, l-MFSA kienet ħadet passi kontra Frank Chetcuti Dimech u diretturi oħra, wara li l-kumpanija falliet milli tissottometti fil-ħin l-awditjar tal-istima finanzjarja tagħha għas-sena 2011.