Il-kawża għad-danni tal-familja Caruana Galizia posposta; Theuma mhux notifikat

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-kawża għad-danni li fetħet il-familja Caruana Galizia u li kellha tibda tinstema llum kellha tiġi posposta minħabba li s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista, Melvin Theuma ma kienx notifikat biex jitla’ jgħati x-xhieda tiegħu.

Il-familja Caruana Galizia qed titlob kumpens għad-danni li sofriet minħabba l-mod kif inqatlet il-ġurnalista. Daphne Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karozza bomba qrib id-dar tagħha fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Il-każ infetaħ mir-raġel tal-ġurnalista, Peter Caruana Galizia u wliedhom Andrew, Matthew u Paul. L-azzjoni qed tittieħed kontra l-ħames irġiel formalment identifikati li kellhom irwol fil-qtil tal-ġurnalista. Għalhekk huwa mifhum li dawn huma it-tliet irġiel akkużati bil-qtil tagħha: Alfred u George Degiorgio, magħrufin bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu, u Vince Muscat il-Koħħu, is-sensar fl-assassinju Melvin Theuma li ngħata maħfra presidenzjali u Yorgen Fenech, in-negozjant li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju.

Propju llum il-każ kellu jibda jinstema’ mill-Imħallef Anna Felica. Madanakollu l-Qorti kienet infurmata li Theuma, kien għadu ma ġiex infurmat biex jitla’ jixhed. Jidher li r-raġuni għal dan hija għax l-indirizz tiegħu mhux magħruf. Minħabba din ir-raġuni, il-Qorti awtorizzat li n-notifika għal Theuma tkun ippubblikata.

Is-smigħ tal-każ ġie pospost għal Frar.