Il-Kavallieri ta’ Malta għaddejjin minn riforma kbira

Albrecht von Boeselager, il-Gran Kanċillier tal-Ordni Sovran ta’ Malta, qal li l-proċess ta’ riforma li għaddejja minnu l-Ordni bħalissa, bħal “kull proċess ieħor ta’ riforma, qed joħloq tbatija”.
F’Diċembru 2016 von Boeselager kien tneħħa mill-kariga li kellu bħala t-tielet l-ogħla uffiċċjal tal-ordni mill-Gran Mastru ta’ dakinhar, Fra Matthew Festing.
Skorrettement kien intqal lilu li t-tkeċċija tegħu kienet mixtieqa mill-Vatikan.
Hawnhekk inqalgħet kwestjoni kbira u l-Papa Franġisku kien insista li Matthew Festing jirriżenja u ordna riforma kbira fl-Ordni. Von Boesalager reġa’ ngħata l-kariga li kellu f’Jannar tas-sena li għaddiet u l-Kavallieri llum għandhom mexxej ‘ad interim’ lil Fra Giaccomo dalla Torre del Tempio di Sanguinetta, artistokratiku Ruman.
Fra Matthew Festing qal li hu kien ikkonsulta mal-Kardinal Raymond Burke, li hu l-patrun tal-Ordni u mal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, qabel ma kien keċċa lil Von Boeselager. Iżda ittra tal-Papa Franġisku u oħra mill-Kardinal Pietro Parolin appellaw biex il-każ ta’ Boeselager ikun riżolt permezz tad-djalogu.
Mistoqsi jekk din kinitx kwestjoni bejn min hu leali lejn Papa Franġisku u oħrajn li mhumiex, Boeselager qal li dan mhux il-każ. “Il-biċċa hi li hemm min qed jibża’ li l-Ordni tista’ titlef il-kariżma tradizzjonali tagħha u hemm oħrajn li jridu jibdew triq ġdida. Ir-riforma dejjem iġġib magħha tbatija sakemm jintlaħaq ftehim wiesa”.
Qal li bħalissa, l-akbar tħassib tiegħu hi l-problema tar-refuġjati u l-immigranti “problema li se ddum magħna”.
Iħoss li hemm żewġ possibiltajiet kif wieħed jiffaċċja din il-problema, jew permezz ta’ “bidla ppjanata” jew “bidla diżastruża”.
It-tielet l-ogħla uffiċjal tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta rrikonoxxa li l-kontroll fuq il-fruntieri hu meħtieġ biex tinħoloq ċerta ‘kunfidenza’ fil-politika, iżda dawn il-kontrolli weħidhom mhux se jsolvu l-problema. L-Ordni kienet qed tagħmel ħilitha biex tgħin fil-pajjiżi tal-oriġini tar-refuġjati u bħalissa qed tuża r-riżorsi diplomatiċi tagħha biex tinnegozja ma’ gruppi differenti fil-Libja biex tgħin fis-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati u l-immigranti li hemm fil-pajjiż.
Boeselager sostna li jekk indaħħlu rasna fir-ramel fuq il-problema tar-refuġjati ma jissolva xejn. Flimkien mal-medjazzjoni f’laqgħat bejn gruppi differenti fiż-żoni tal-kunflitt, hu importanti wkoll li ripetutament infakkru n-nies fit-tbatija li r-refuġjati jesperjenzaw.
Nhar l-Erbgħa li għadda il-Kavallieri ta’ Malta ikkonfermaw lil Fra Giacomo dalla Torre del Tempio di Sanguinetta bħala l-mexxej ġdid tagħhom bl-inkarigu li jdaħħal fis-seħħ ir-riforma li qed titfassal.  Hu ngħata mandat għal għomru fit-tmexxija tal-Ordni.