Il-Kattoliċi żdiedu fid-dinja kollha ħlief fl-Ewropa

Fil-messaġġ tiegħu għall-Ġurnata Missjunarja ta’ din is-sena l-Papa Franġisku qal li din il-ġurnata tiġborna madwar Ġesù – l-ewwel evanġelizzatur – li kontinwament jibgħatna nxandru il-Vanġelu tal-Imħabba ta’ Alla l-Missier bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.
"Il-Knisja, min-natura tagħha hi missjunarja. Kieku mhux hekk ma tkunx il-Knisja ta’ Kristu imma sempliċement għaqda bħal ħafna oħrajn li tintemm wara ftit żmien għax tkun eżawriet l-iskop tagħha.
Aħna mistiedna nagħmlu domandi li jolqtu direttament l-identità Kristjana u r-responsabbiltaà tagħna, f’dinja konfuża minn ħafna illużjonijiet, dinja feruta minn ħafna frustrazzjoni u maqsuma minn ħafna gwerer li inġustament jolqtu l-aktar lil dawk innoċenti. X’inhi l-bażi tal-missjoni? X’inhi l-qalb tal-missjoni? X’inhuma dawk l-atteġġjament vitali tal-missjoni?", staqsa l-Papa fil-messaġġ tiegħu.
Il-Papa, fil-messaġġ tiegħu jitkellem dwar il-missjoni u l-poter tal-Evanġelju li jibdel il-ħajja tal-bniedem; il-missjoni li hi l-“kairos” ta’ Kristu; il-missjoni li tispira spiritwalità ta’ eżodu kontinwu u ta’ pellegrinaġġ; dwar iż-żgħażagħ li huma t-tama tal-missjoni; is-servizz tal-Opri Missjunarji Pontifiċji.
Il-Papa Franġisku f’din l-okkażżjoni għalaq il-messaġġ tiegħu billi appella biex nagħmlu l-Missjoni ma’ Marija, Omm l-Evanġelizzazzjoni. “Ejjew nispiraw ruħna mill-Madonna. Hi, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu laqgħet lil Alla f’ħajjitha fil-profond tal-fidi umli tagħha. Tgħinha l-Madonna biex ngħidu l-“IVA” tagħna fl-urġenza biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù fi żminijietna; tgħinna biex niksbu ħeġġa ġdida biex inwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja li tirbaħ fuq il-mewt; tinterċedi għalina biex niksbu l-għerf li nfittxu toroq ġodda biex inwasslu lil kulħadd id-don tas-salvazzjoni”.
Flimkien ma’ dan il-messaġġ tal-Papa, il-Kurja Vatikana ħarġet l-aħħar statistika dwar l-Insara fid-dinja. 
Minn din jirriżulta li llum il-Kattoliċi fid-dinja jammontaw għal 1,284,810,000. Dawn huma 12,529,000 aktar minn l-aħħar ċensiment li kien sar. 
Jirriżulta li n-numru ta’ Kattoliċi żdied madwar id-dinja kollha bil-ħidma tal-missjunarji, ħlief fl-Ewropa.