Il-Kattoliċi mħejjija biex jagħtu merħba kbira lill-Papa f’Yangon

Il-Knisja Kattolika fil-Mjanmar hi mħejjija biex tagħti merħba kbira lill-Papa Franġisku meta dan jasal fil-pajjiż illum waranofsinhar għal żjara ta’ erbat ijiem, f’dan il-pajjiż fejn il-poplu hu predominantement ta’ fidi Buddista.
“Aħna lesti. Għandna kollox organizzat”, qal Fr Mariano Soe Naing, kelliem għall-Konferenza Episkopali tal-pajjiż u Direttur għall-Uffiċċju Komunikazzjoni tad-djoċesi.
Il-Papa jasal fl-ajruport ta’ Yangon fis-1.30 p.m.
illi Yangon m’għadhiex il-belt kapitali tal-pajjiż, iċ-ċerimonja tal-merħba se tkun waħda qasira u sempliċi iżda l-Kattoliċi qed iħejju merħba kbira għall-Papa Franġisku.
Il-qofol taż-żjara se jintlaħaq nhar l-Erbgħa meta l-Papa jiċċelebra quddiesa solenni fil-grawnd ta’ Yangya Kyaikkassan fejn madwar 200,000 persuna minn madwar il-pajjiż kollu mistennija jattendu.
Fr Naing qal: “Lil dawn in-nies ħsibnielhom għal kollox. Se nipprovdulhom akkomodazzjoni u trasport biex jaslu fil-post fejn se ssir il-quddiesa. It-Tribuna tal-Papa nbniet u l-grawnd lest biex jilqa’ din il-folla”.
Għall-poplu tal-Mjanmar l-ewwel żjara ta’ Papa f’dan il-pajjiż Buddista, hi żjara storika. Il-maġġoranza tal-poplu, partikolarment il-mexxejja reliġjużi, esprimew ferħa kbira għall-miġja tal-Papa Franġisku.” L-aspetattiva hi kbira, partikolarment f’Yangon. Il-poplu hu eċitat ħafna anke jekk għall-bidu ftit kienu dawk li fiehmu x’inhu l-irwol tal-Papa”, qal il-kelliem għall-Isqfijiet.
Nhar il-Ġimgħa li għadda fuq it-televiżjoni xxandar filmat li bagħat il-Papa lill-poplu tal-Mjanmar bi tħejjija għaż-żjara tiegħu.
L-Insara f’diversi partijiet tal-pajjiż ħadu numru ta’ inizjattivi bi tħejjija għal din iż-żjara. Fost dawn, il-Kattoliċi ta’ Kachin ħadmu s-salib tal-injam li se jintuża għall-quddiesa tal-Papa f’Yangon.
Iż-żgħażagħ huma attivi ħafna u se jkollhom sehem importanti waqt quddiesa oħra li se ssir fil-Katidral ta’ Santa Marija fl-aħħar jum taż-żjara. Dawn lestew ukoll t-Shirts apposta li se jilbsu waqt iż-żjara u pproduċew l-innu uffiċjali għal din l-okkażjoni.