Il-Kattoliċi klandestini fiċ-Ċina għandhom fiduċja fil-Papa

L-Isqof Giuseppe Wei li jmexxi komunità klandestina ta’ Nsara fiċ-Ċina talab lill-ħbiebu fiċ-Ċina, f’Hong Kong, il-Macao u t-Taiwan biex ma jitkellmux f’isem l-Insara klandestini fiċ-Ċina għax huma għandhom fiduċja f’dak li qed jagħmel il-Papa u jridu jsegwuh.
L-Isqof Wei, li hu rrispettat ħafna u meqjus bħala awtorita għall-Kattoliċi Ċiniżi, għamel dan l-appell fid-dawl tal-kontroversja li għaddejja bħalissa dwar it-taħditiet u r-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u l-Gvern Ċiniż, u qal li bħalissa jista’ jkun hemm żvolta importanti f’dawn ir-relazzjonijiet.
Giuseppe Wei Jingyi twieled fl-1958 u hu wieħed mill-aktar persuni rispettati mill-Kattoliċi Ċiniżi li minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż huma kostretti jiltaqgħu fil-moħbi.
L-istat Ċiniż ma jirrikonoxxihx bħala isqof.
Hu kien ikkonsagrat isqof – bil-moħbi – fl-1995 u kemm-il darba safa arrestat.
L-itwal arrest tiegħu kien sar wara “laqgħa sigrieta” li kienet saret f’Zhangerce. Hu kien inżamm arrestat għal sentejn sħaħ bejn Settembru 1990 u Dicembru 1992.
Hu qal li fis-sitwazzjoni preżenti ħadd ma jista’ jippretendi li jirrappreżenta l-knisja klandestina fiċ-Ċina.  Jekk xi ħadd jintalab minn xi komunità biex jitkellem f’isimha għandu jgħid f’isem min qed jitkellem. Jien ma rrid inkun rappreżentat minn ħadd u b’fidi kbira, f’ismi u f’isem il-komunità li Alla fdali f’idejja irrid niddikjara solennement li “jkun xi jkun ir-riżultat fir-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Vatikan, aħna nobdu d-deċiżjoni tal-Papa u tas-Santa Sede, tkun xi tkun u bla ma niddubitawha”.
Mistoqsi fuqhiex jibbaża din il-fiduċja jew hiex biss ibbażata fuq ir-rispett lejn l-awtorità ekkleżjastika, l-Isqof Wei wieġeb: “Meta Alla sejjaħ lil Abraham dan ma talabx lil Alla biex jibdel l-affarijiet madwaru li ma kinux tajbin. Abraham kellu biss fiduċja f’Alla li sejjaħlu. Ħalla lilu nnifsu f’idejn Alla bla ma qagħad jaħsibha. Meta Alla sejjaħ lili, fiċ-Ċina s-seminarji kienu magħluqa. Iżda Alla wrieni d-dawl tiegħu. Urieni x’għad ikun il-futur tal-Knisja fiċ-Ċina. Meta fetaħ is-seminarju u applikajt biex nidħol, ridt nagħmel eżami. Jien lestejt preżentazzjoni intitolata: Jekk wasal it-tmiem ta’ xitwa qalila, ir-rebbiegħa ma tistax tkun 'il bogħod.
Il-fidi tagħna hi f’Alla li ħalaq kollox. Hu ma jġegħelniex nistħu minna nfusna. Għalhekk il-kliem tal-Kardinal Parolin li rnexxieli nsib u naqra inkoraġġieni ħafna.
Il-Papa mhux politiku. Il-kollaboraturi tiegħu ma jaġixxux fuq kriterji politiċi. Kulma jagħmlu hu ispirat u msaħħaħ mill-fidi. U l-fidi tkebbes ix-xewqa li n-nagħaġ kollha jirritornaw fl-istess merħla, taħt l-istess ragħaj.
Għal dan qed jaħdem il-Papa, biex iżomm l-għaqda fil-Knisja", temm jgħid l-Isqof Wei.