Il-Kattoliċi jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-iskjavitù modern

Il-Kattoliċi jistgħu jkunu “l-għajnejn u l-widnejn” tal-komunitajiet tagħhom u jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet “għall-kummerċ vili” tat-traffikar uman fl-Ingilterra.
Dan l-appell għamlu isqof responsabbli għall-immigranti fid-dawl ta’ ċifri ġodda ppubblikati li juru kemm hi mifruxa l-iskjavitù modern fl-Ingilterra.
L-Isqof Patrick Lynch tkellem wara li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Kriminalità fl-Ingilterra kmieni din il-ġimgħa qalet li l-vittmi tal-iskjavitù modern, is-sena li għaddiet żdiedu b’aktar minn terz.
Fl-2017, l-Aġenzija tal-Gvern li tidentifika vittmi potenzjali ta’ skjavitù u esplojtazzjoni, sabet 5.145 persuna li jaqgħu f’din il-kategorija. Dan in-numru kien ifisser żjieda ta’ 35% fuq dak tas-sena ta’ qabel li kien ta’ 3,804.
Għall-ewwel darba, l-akbar parti minn dan in-numru kienu ta’ nazzjonalità Ingliża stess li minn 326 fl-2016 telgħu għal 819 is-sena li għaddiet. Il-parti kbira ta’ dawn huma tfal taħt l-età li qed ikunu esplojtajati biex ibigħu d-droga. 
Wara l-Ingliżi l-akbar numri huma ta’ persuni mill-Albanija u l-Vjetnam.
L-Isqof Patrick Lynch li qed jaħdem biex tinqered il-pjaga tal-iskjavitù qal li din l-istatistika hi xokkanti iżda mhux sorpriża. “Iż-żjieda, partikolarment ta’ tfal esplojtjati minn gruppi kriminali, turi li kull ġurnata madwar l-Ingilterra, persuni innoċenti – nisa, irġiel u tfal – qed jinbiegħu għall-profitti u mġiegħla jagħmlu xogħol kontra l-volontà tagħhom.
“Filwaqt li hu allarmanti li dan in-numru kiber, speċjalment fejn jidħlu t-tfal, hu importanti li wieħed jiftakar li hemm ħafna aktar minn dawn il-vittmi li mhux magħrufa.
Min-naħa tagħha l-missjoni tal-Knisja hi li tibni fiduċja f’dawk il-komunitajiet li huma vulnerabbli kemm jekk huma Inġliżi kif ukoll jekk huma barranin biex ikunu rrappurtati aktar każi bħal dawn” sostna l-Isqof.
Ir-rapport tal-aġenzija governattiva sab 2,352 każ ta’ xogħol furzat li kważi terz minnhom kienu jinvolvu każi ta’ esplojtazzjoni sesswali, filwaqt li madwar 2,000 tifel u tifla nstab li huma f’risku tal-iskjavitù modern.
Għalhekk, l-Isqof Lynch appella lill-Kattoliċi biex jirrappurtaw lill-Pulizija meta fil-komunitajiet rispettivi tagħhom jindunaw b’każi ta’ traffikar uman li hi pjaga serja ħafna iżda moħbija.
Hu qal li l-Knisja qed tgħin b’diversi modi billi tħarreġ nies biex jagħrfu “sinjali u sintomi tal-iskjavitù moderna” kif ukoll billi toffri djar ta’ sigurtà għall-vittmi, kif ukoll bl-isforzi tal-Grupp Santa Marta li hu alleanza ta’ uffiċjali għolja tal-Pulizija u membri tal-Kleru li jaħdmu flimkien biex jikkumbattu din il-problema.
Il-Ministeru tal-Intern fl-Ingilterra jistma li fil-pajjiż hemm madwar 13,000 persuna maqbuda fix-xibka tal-iskjavitu.