Il-Kattoliċi għandhom isostnu l-integrazzjoni Ewropea

Il-Kummissjoni li tirrapreżenta l-Unjoni tal-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej, li hi bażata fi Brussels qed tħeġġeġ biex jingħata ħajja ġdida il-“Proġett Ewropew” u appellaw  lill-kattoliċi biex jappoġġjaw l-integrazzjoni Ewropea.
“Għall-Knisja, proġett politiku ikun leġitimiżżat skont l-impatt li jħalli fuq in-nies u għalhekk il-Proġett Ewropew għandu jkun il-proġett tagħna”, qal Fr. Oliver Poquillon,  Segretarju Ġenerali tal-Isqfijiet.
“Fi żmien ta’ansjeta bħal dan, hu vitali li jkollna qafas li jwaqqaf l-egoiżmi nazzjonali milli jieħdu s-sopravvent fuq il-ġid komuni.  Iridu jew ma jridux, il-popli tagħna huma popli Ewropej”.
Fr Poquillon kien qed jitkellem ġimgħatjen wara li membri tad-dipartiment tal-affarijiet internazzjonali tal-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales fid-dawl tas-symposium li se jsir fil-Vatikan lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, dwar il-futur tal-Ewropa li għalih se jattendu uffiċjali mill-Unjoni Ewropea u 340 persuni prominenti mill-oqsama tal-politika, in-negozju u x-xjenza.
Hu qal li l-UE spiss tat l-impressjoni li tagħti importanza lill-istituzzjonijiet u l-profitti finanzjarji aktar milli tagħti lill-persuni u lill-komunitajiet. L-UE trid tagħti ċans liċ-ċittadini tagħha jifhmu aħjar l-oqsma tax-xogħol, l-ekonomija, l-ambjent, il-kultura, l-politika u r-reliġjon. Żied li l-Knisja tappoġġja d-diversita’ u s-sussidjarjeta’ enfasizzati fil-liġi Ewropea filwaqt li temmen ukoll li hu ħażin li l-Gvernijiet jieħdu kredtu għas-suċċessi u mbagħad jagħtu t-tort lill-Unjoni fejn ikun hemm il-fallimenti.
“L-isfida għall-istituzzjonijiet m’hix xi ħaġa tal-Unjoni Ewropea biss. Dan hu fenomenu globali li jolqot anke lill-Knisja, lill-kumpanniji u l-istati”, qal Fr Poquillon. Kompla li Brexit hi l-espressjoni Ewropea ta’ dak li seħħ fl-Istati Uniti u pajjiżi oħra.