Il-Kattoliċi f’Texas jikkundannaw id-deċiżjoni tal-Gvernatur li ma jħallix aktar emigranti

Bishop Mark J. Seitz of El Paso, Texas greets a Salvadoran migrant after walking and praying with a group of migrants at the Laredo International Bridge in El Paso as they sought asylum in the U.S. (Credit: CNS.)

L-Isqfijiet Kattoliċi fl-istat ta’ Texas fl-Istati Uniti ikkundanna id-deċiżjoni li ħa l-Gvernatur tal-istat, Greg Abbot, nhar il-Ġimgħa li għadda, li ma jħallix aktar refuġjati jissetiljaw f’Texas u ddeskrivewha bħala deċiżjoni skoraġġanti u ta’ qsim il-qalb u appellawlu biex  iħassar din id-deċiżjoni.

Fi stqarrija komuni l-Isqfijiet esprimew ir-rispett tagħhom lejn il-Gvernatur li hu Kattoliku iżda qalu li din id-deċiżjoni li tista’ tħalli effett drammatiku fuq refuġjati li jaslu fil-pajjiż, hi waħda “mhux maħsuba sew”.

“Id-deċiżjoni ċċaħħad persuni li qed jaħarbu minn persekuzzjoni, inkluż persekuzzjoni reliġjuża, milli jkunu jistgħu jġibu t-talenti tagħhom fl-Istat tagħna u jikkontribwixxu għall-ġid komuni tan-nies ta’ Texas”, kitbu l-Isqfijiet fl-istqarrija tagħhom.

“Ir-refuġjati li diġa’ jgħixu f’Texas għenu lill-komunitajiet tagħna” qalu l-Isqfijiet li nnutaw li dan l-Istat storikament laqa’ madwar għaxra fil-mija tar-refuġjati li waslu fl-Istati Uniti.

Nilqgħu lill-barrani

“Bħala Kattoliċi, parti importanti mill-fidi tagħna hi li nilqgħu lil min hu stranġier u ngħinuh. Għalhekk qed nieħdu din l-okkażżjoni biex nimpenjaw li naħdmu b’aktar ħeġġa ma dawk kollha ta’ rieda tajba, inkluż il-Gvern Federali u l-gvernijiet lokali, biex ngħinu lir-refuġjati jintegraw u jsiru membri produttivi tal-komunitajiet tagħna”, tgħid l-istqarrija.

Id-deċiżjoni tal-Gvernatur Abbott li ma jħallix aktar refuġjati, tagħmel minn Texas l-ewwel Stat li jdaħħal dan il-preċedent wara l-ordni eżekuttiva tal-President Donald Trump li ta l-poter lill-Istati Amerikani li jieħdu deċiżjonijiet simili, minkejja li l-emigranti jkunu diġa’ għaddew minn process ta’ skrutinju fuq bażi federali.

Bħalissa l-amministrazzjoni Amerikani diġa’ ħabbret li mhux se tilqa’ aktar minn 18,000 emigranti fil-pajjiż, din is-sena. Is-sena li għaddiet dan in-numru kien ta’ 30,000 persuna filwaqt li fl-2016 taħt il-President Barack Obama kienu tħallew jidħlu fl-Istati Uniti 110,000 refuġjat.

Dawn id-deċiżjonijiet kemm tal-President Trump kif ukoll tal-Gvernatur Abbott jistgħu jinqalbu minn Imħallef Federali fl-istat ta’ Maryland li din il-ġimgħa mistenni jagħti sentenza jekk bl-ordni li ħareġ il-Presidnet Trump eċċediex l-awtorità tiegħu meta ħareġ Ordni Eżekuttiva u jekk din kinitx motivata politikament.

Jekk l-Imħallef jordna li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jitħassru, l-amministrazzjoni ta’ Trump mistennija tappella minn din is-sentenza.

Ashley Feasley, Direttur dwar il-politika dwar l-emigranti u r-refuġjati tal-Konferenza Episkopali Amerikana, qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX li għalkemm id-deċiżjoni tal-Gvernatur Abbott ma tfissirx li r-refuġjati ma jistgħux imorru f’Texas, tfisser li għal din is-sena ma jistgħux jibdew jgħixu f’dan l-Istat.

Appelli mill-Isqfijiet

Għal dawn l-aħħar għaxar-ħmistax il-sena, l-istat ta’ Texas laqa’ ħafna refuġjati li qed jgħixu fl-Amerika u d-deċiżjoni tal-Gvernatur jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq ħafna refuġjati li diġa’ kienu aċċettati fil-pajjiż mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

Feasley spjegat li 80 fil-mija tar-refuġjati ġodda diġa’ kienu mgħarrbla mill-Gvern Federali u nstab li għandhom membri tal-familja jew ħabib li diġa’ qed jgħixu fl-Istati Uniti u lest jilqagħhom.

Billi f’Texas diġa’ hemm jgħixu numru ta’ refuġjati dan ifisser li dawk ġodda mhux se jkunu jistgħu jingħaqdu mal-bqija tal-familja jew ħbieb mill-ewwel.

Wara d-deċiżjoni tal-Gvernatur Abbot, barra l-istqarrija konġunta, diversi Isqfijiet f’Texas ħarġu stqarrijiet individwali jikkritikaw din id-deċiżjoni u jitolbu biex tinbidel.