Il-Kattoliċi fl-Ingilterra jistgħu jintlaqtu mill-istrateġija tal-Gvern kontra l-estremiżmu

F’omelija li għamel i-bieraħ lil madwar 1000 pellegrini li kienu qed iżuru Lourdes, l-Isqof ta’ Shrewsbury, Mark Davis wissa li l-Kattoliċi li jistqarru l-fidi tagħhom f’Alla jistgħu jintlaqtu ħażin minn miżuri li l-Gvern Ingliż se jieħu biex jikkumbatti l-estremiżmu.
L-Isqof qal li l-isforzi tal-Prim Ministru Theresa May biex tkisser l-ideoloġija wara l-attakki terroristi ta’ dawn l-aħħar xhur tista’ tintuża ħażin u tolqot Insara paċifiċi li ma jaqblux ma’ ideoloġiji sekularisti.
“L-Ingliżi llum iqisu lil min jiddikjara li hu Kristjan u saħansitra l-persuna ta’ Ġesù Kristu bħala li jirrappreżentaw l-estremiżmu. Possibbilment anke l-fidi f’Alla, li fuqha hu mibni pajjiżna, jistgħu jkunu fil-mira tal-aġenda tal-Gvern kontra t-terroriżmu”, sostna l-Isqof.
Fid-diskors mit-Tron ftit ġimgħat ilu, il-Prim Ministru ħabbret li l-Gvern kien se jirrevedi l-istrateġija tiegħu kontra t-terroriżmu u l-ħatra ta’ Kummissjoni biex tirribatti l-estremiżmu.
L-Isqof Davies spjega li dwar id-definizzjoni ta’ estremiżmu hemm konfużjoni kbira.
Saħansitra, f’sondaġġ li sar riċentement, kważi terz tal-Ingliżi jaħsbu li Ġesù kien estremista.
Lill-pellegrini mid-djoċesijiet ta’ Shrewsbury u Salford li ngħaqdu għal dan il-pellegrinaġġ f’Fatima, l-Isqof Davies qalilhom li l-Kattoliċi huma estremisti biss fil-mixja wara Kristu u d’dak kollu li hu għall-ġid tas-soċjetà.
L-Insara huma estremi fejn tidħol il-karità, il-grazzja, il-verità u l-mira għall-qdusija.
“Hemm estremiżmu distruttiv li għandna nibżgħu minnu, dak li jfittex li jfarrak i-żwieġ u l-familja, dak li jfarrak il-vera identità tal-persuna umana b’esperimenti mediċi bla ebda fruntieri etiċi li ddeċieda li t-tarbija mhux mitwielda tista’ tgħix biss jekk il-bniedem iridha, dak li jrid ineħħi l-protezzjoni legali lill-morda u lill-anzjani biex jibqgħu jgħixu”, saħaq l-Isqof Mark Davies.