Il-Kattoliċi fl-Awstralja jappellaw lill-parlamentari kontra l-ewtanasja

Filwaqt li l-parlamenti taż-żewġ l-akbar stati fl-Awstralja bdew jiddiskuti liġi dwar l-ewtanasja, 101 onkoloġist – tobba li jikkuraw il-kanċer – appellaw lill-membri parlamentari fl-Istat ta’ Victoria biex ma japprovawx dik li qed tissejjaħ “Assisted Dying Bill 2017”.
F’ittra bid-data tad-19 ta’ Settembru u ppubblikata fis-sit elettroniku, Melbourne Catholic, it-tobba qalu li 80% ta’ dawk li għażlu mewt assistita minn tabib f’pajjiżi barranin fejn dan hu legali, kienu morda bil-kanċer, u għalhekk iħossu li l-fehma tagħhom dwar din il-liġi għandha tkun mismugħa.
“Aħna nixtiequ nżidu leħinna ma dak ta’ aktar minn 100 speċjalista fil-kura paljattiva li diġà kitbulkom, u nitolbukom topponu din il-liġi”, qalu t-tobba.
Dawn l-onkoloġisti li jaħdmu kemm fi sptarijiet pubbliċi kif ukoll f’dawk privati fl-Istat ta’ Victoria, innutaw li l-Parlament Ingliż kien ivvota kontra liġi simili fl-2015 għax ma hemmx sistema sigura kif din tista’ tkun applikata bla abbużi. Huma ħeġġew lill-Parlament tagħhom biex huma wkoll jiċħdu din il-liġi.
“Aħna nħossu li mhux possibbli tfassal liġijiet dwar il-mewt assistita, u jkollok miżuri biżżejjed li jipproteġu lil dawk vulnerabbli, partikolarment dawk b’kanċer li ma jfiqx, mard newroloġiku progressiv, lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità”, kitbu  dawn l-ispeċjalitsti. “Dawn il-gruppi ta’ nies jesperjenzaw rata qawwija ta’ depressjoni u iżolament. Ir-riskji li liġi bħal din tpoġġi fuq dawn in-nies huma ferm akbar mill-benefiċċji li tista’ toffri lill-ftit”, komplew isostnu.
Huma  wrew l-għadab tagħhom li l-ħafna rakkomandazzjonijiet li għamel f’Ġunju li għadda, fl-Istħarriġ Parlamentari li kien ordna l-Parlament ta’ Victoria dwar Tmiem il-Ħajja biex tkun imsaħħa l-Kura Paljatttiva, ma kinux implimentati.
Qabel ma tissaħħaħ il-Kura Paljattiva, ikun prematur li wieħed jiddiskuti il-mewt assistit medikament.
Sadanittant, fil-Parlament ta’ New South Wales qed tkun diskussa wkoll liġi imsejħa “A Coluntary Assisted Dying Bill, li jekk tgħaddi tagħti l-fakultà lit-tobba biex lill-pazjenti b’mard terminali jippreskrivulhom mediċina li biha joqtlu lilhom infushom u jgħinu lill-pazjent imut jekk ikunu mitluba jagħmlu dan.
Iż-żewġ parlamenti mistenni jiddeċiedu dwar dawn il-liġijiet aktar tard din is-sena.