Il-Kattoliċi fit-Tajlandja jistennew bil-ħerqa ż-żjara tal-Papa

Żgħażagħ fit-Tajlandja jħejju għaż-żjara tal-Papa

Il-Kattoliċi fit-Tajlanda qed jippreparaw bis-sħiħ u qed jistennew bil-ħerqa ż-żjara ta’ tliet ijiem li l-Papa Frannġisku se jagħmel f’pajjiżhom ix-xahar id-dieħel u wara jkompli dan il-vjaġġ fil-Ġappun.

 L-Isqfijiet tat-Tajlandja, permezz ta’ nota li ħarġu, ħabbru uffiċjalment iż-żjara tal-Papa li qalu qed issir fuq stedina tal-Gvern Irjali tat-Tajlandja u tal-Isqfijiet infushom u se ssir bejn l-20 u t-23 tax-xahar id-dieħel.

Skont din l-istess nota il-Papa se jiċċelebra żewġ Quddisiet, waħda għall-Kattoliċi tal-pajjiż u oħra għaż-Żgħażagħ u se jagħmel ż.ukoll żjarat lil xi komunitajiet Kattoliċi fil-pajjiż.

Mgr. Wissanu Thanya-anan, Deputat Segretarju tal-Konferenza Episkopali tat-Tajlandna qal li dawn il-Quddisiet jistgħu jsiru fil-beraħ minħabba n-numru kbir ta’ Kattoliċi li mistennija jattendu għalihom. Kemm idum fil-pajjiż il-Papa mistenni jkollu wkoll laqgħa mal-Patrikjarka Suprem u mar-Re il-ġdid, il-Maesta Tiegħu Maha Vajiralongkorn.

Djalogu inter-reliġjuż

“Il-Papa Franġisku hu ferħan li se jżur it-Tajlanda bħala Pellegrin tal-Paċi biex jippromowovi d-djalogu inter-reliġjuż”, qal l-Arċisqof Paul Tschang In-Nam, Nunzju Apostoliku.

Din iż-żjara se taħbat mat-350 anniversarju minn meta l-Papa Clement IX, fl-1669 kien waqqaf il-Missjoni ta’ Siam bl-iskop li tissorvelja l-ħidma missjunarja Kattolika fil-pajjiż. F’dik l-okkażżjoni il-fidi Kattolika xxettlet b’mod permanenti fit-Tajlandja.

Din is-sena jaħbat ukoll il-50 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn it-Tajlandja u l-Vatikan u jaħbat ukoll il-35 anniversarju minn meta l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien sari l-pajjiż fl-1984.

Il-fidi Kattolika waslet f’Siam – kif kienet magħrufa it-Tajlandja fl-imgħoddi – mill-missjunarji Dumnikani fis-sena 1567. Fl-4 ta’ Ġunju 1669, fi żmien il-Papa Clement IX twaqqfet uffiċjalment missjoni Kattolika.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-missjunarji Kattoliċi komplew jaħdmu u jgħinu fl-iżvilupp tal-poplu permezz ta’ diversi servizzi soċjali li joffru.

Opportunità kbira

“Il-poplu tat-Tajlandja hu grat ħafna lejn il-Papa Franġisku li aċċetta li jagħmel din iż-żjara: nistennewh bil-ħerqa biex iwassal messaġġ ta’ paċi”, qalet lill-aġenzija FIDES, Catherine Mala, mexxejja tal-lajċi Tajlandiżi.

Christopher Angsakul, żagħżugħ Kattoliku qal li: “Din hi opportunità kbira għalina li nilqgħu fostna lill-Papa. Iż-żgħażagħ huma entużjasti ħafna għal din is-żjara u se nagħtuh merħba b’qalbna miftuħa”.

Skont il-Konferenza Episkopali tat-Tajlandja, f’dan il-pajjiż il-Kattoliċi huma f’minoranza ta’ 0.58%. Il-popolazzjoni sħiħa hi ta’ 69 miljun persuna li fil-parti l-kbira tagħhom huma Buddisti. L-Kattoliċi huma biss 388,468 u għandhom 534 knisja u 662 qassis.