Il-Kattoliċi fil-Korea t’Isfel jitolbu għall-paċi

Talb għall-paċi bejn il-Koreat ta' Fuq u l-Korea t'Isfel

Il-komunità Kattolika fil-Korea t’Isfel fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet inġabret  f’Imjingak fejn kienet ċelebrata quddiesa speċjali għall-paċi fil-Peninsula Koreana, fl-istess jum li fih kienet bdiet il-gwerra bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel, fl-1950.

L-aġenzija tal-aħbarijeit FIDES qalet li l-inizjattiva għal din il-Ġurnata ta’ Talb għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni tal-Poplu Korean kienet organizzata mill-Konferenza Episkopali u fiha ħadu sehem aktar minn 20,000 Kattoliku mid-diversi djoċesijiet tal-pajjiż.

Mons Alfred Xuereb

Il-Kardinal Andrew Yeom Soo-Jung, Arċisqof ta’ Seoul mexxa ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u miegħu kkonċelebra Mons. Alfred Xuereb, Nunzju Apostoliku fil-Korea t’Isfel.

Il-Kardial qal lil dawk preżenti: “Niddedikaw din il-Quddiesa għal dawk li tilfu ħajjithom fil-Gwerra tal-Korea. B’mod partikolari niftakru f’dawk il-familji li għadhom separati sal-lum bil-fruntiera bejn iż-żewġ partijiet tal-pajjiż u li għadhom isofru minn din it-trawma. Il-Knisja Kattolika kollha , immexxija mill-Papa Franġisku, qed titlob biex iż-żerriegħa tal-paċi, tinbet fl-istorja diffiċli ta’ dan il-pajjiż”.

Ħabbar ukoll li f’dawn il-jiem Mons. Franjo Komarica, l-Isqof ta’ Banja Luka fil-Bosnia Herzegovina bagħtlu ittra speċjali li fiha ingħaqad mal-komunita Kattolika tal-Korea t’Isfel f’din il-Quddiesa għall-paċi fil-peninsula Koreana kollha.

Paċi u għaqda fil-pajjiż

Mgr. Hyginus Kim Hee-Joong Kim, fl-Omelija li għamel fil-quddiesa esprima t-tama li “s-summit mistenni bejn il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti f’dawn il-jiem, iwassal għall-paċi u l-għaqda fil-pajjiż kollu”.

F’ din l-okkażżjoni Mons. Peter Lee Ki-Heon, Isqof ta’ Uijeongbu u President tal-Kumitat għar-Rikonċiljazzjoni tal-Poplu Korean, ippubblika ittra fejn wera t-tama li jerġa’ jibda l-proċess għall-paċi matul din is-sena u appella biex immedjatament jibda d-djalogu bejn iż-żewġ naħat u jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet personali u l-għajnuna umanitarja bl-inkoraġġiment u l-għajnuna tal-komunità internazzjonali.