Il-Kattoliċi fil-Gvern ġdid Taljan ma jħobbux lill-Papa

Il-Knisja fl-Italja taf li mal-Gvern ġdid Taljan żgur li se jkollha problemi fejn jidħlu l-imigrazzjoni u l-Ewropa. Min-naħa l-oħra tista’ tidħol fi djalogu fejn jidħlu l-valur tradizzjonali tal-familja.
 
Il-Ministru l-ġdid għall-Familja u d-Diżabilita’ li hu kattoliku prattikanti diġa’ wiegħed li se jaħdem biex ma jibqgħux jonqsu r-rati tat-twelid filwaqt li jappoġġja l-“familja naturali” kompost minn omm u missier u sostna li familji magħmula minn koppji tal-istess sess ma jeżistux taħt il-liġi Taljana.
 
Il-Knisja Kattolika ilha tistenna interlokutur bħal dan.  Iżda hemm problema għax jidher li fost il-Ministri l-ġodda hemm min mhux fan tal-Papa Franġisku.
 
Il-Ministru tal-Familja, Lorenzo Fontana meta ftit ilu kien mistoqsi jekk iħobbx il-Papa Franġisku wieġeb “Nippreferi lill-Kardinal Burke”, li hu wieħed minn dawk il-Kardinali li jopponu partijiet mit-tagħlim tal-Papa preżenti.
 
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Salvini, mexxej tal-Lega Nord spiss tkellem kontra l-pożizzjoni tal-Papa favur l-emigranti u qallu biex jekk irid jeħodhom il-Vatikan, filwaqt li Beppe Grillo tal-Moviment 5 Stelle kkritika bl-aħrax lill-Knisja għax ma tħallasx taxxi.