“Il-katekisti jqajmu fil-proxxmu il-memorja ta’ Ġesù” – Papa Franġisku

Waqt ir-reċita tal-Angelus fi Pjazza San Pietru Papa Franġisku fakkar il-Jum Dinji tal-Katekisti  organizzat mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Fir-rimarki tiegħu waqt l-Angelus il-Papa rringrazzja lill-eluf ta’ katekisti li ġew minn madwar id-dinja biex jipparteċipaw fil-konferenza kateketika ta' jumejn, sponsorjati mill-istess Kunsill Pontifiċju.

Iktar kmieni Papa Franġisku ċċelebra quddiesa għall-istess katekisti u fl-omelija sostna li jekk il-proxxmu ma jżommx l-immaġni ta’ Ġesù fil-ħajja, l-istess proxxmu jkun qiegħed jagħti importanza lill-egoiżmu. Għalhekk huwa importanti fi kliem il-Papa, li l-katekisti jsostnu u jippreservaw il-preżenza t’Alla fil-proxxmu.

Il-Papa sellem b’mod speċjali lill-Youhanna X Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Antijokka u tal-Lvant Nofsani. Il-Papa qal li l-preżenza tal-Patrijarka fi Pjazza San Pietru, toffri stedina lill-fidili Kristjani kollha sabiex iġeddu t-talb tagħhom għall-paċi fis-Sirja u fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani.

Il-Papa fakkar bil-ferħ il-beatifikazzjoni ta’ Miroslav Bulesic qassis djoċesan mill-Kroazja li miet martri fl-1947.