Il-Katekisti għandhom ikunu kreattivi

F’messaġġ li bagħat lil Symposium Internazzjonali tal-Katekisti li qed isir fl-Universita Kattolika Pontifiċja ta’ Buenos Aires fl-Arġentina, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-katekisti biex ikunu kreattivi fil-ħidma tagħhom.
It-tema tas-symposium hi “Imbierka dawk li jemmnu”. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa irrimarka illi “li tkun katekista hi vokazzjoni ta’ servizz lill-Knisja u hi rigal ta’ Alla lil min jidħol għal din il-missjoni li min-naħa tiegħu irid jittrasmetti l-kelma t’Alla lill-oħrajn.
“Il-katekist jimxi ma’ Kristu u allura mhux xi ħadd li jibda mill-ideat u l-gosti tiegħu. Hu jew hi ifittxu lil Alla u din it-tfittxija għal Alla tibda tbaqbaq f’qalbhom”, qal il-Papa.
Il-Papa Franġisku innota wkoll fil-messaġġ tiegħu, li l-katekist hu  kreattiv għax ifittex  toroq u metodi ġodda kif iwassal l-aħbar it-tajba ta’ Kristu. “Din il-ħidma biex Kristu isir magħruf bħala sbuħija suprema għandha tmexxina biex insibu sinjali u forom ġodda biex nittrasmettu l-fidi”, żied jgħid Papa Franġisku.
Il-mezzi jistgħu jkunu differenti, jinsisti l-Papa, iżda l-importanti hu li nżommu f’moħħna l-istil ta’ Kristu, li adatta ruħu għan-nies li kellu madwaru biex iwassal iħobbu lil Alla. Hemm bżonn inkunu nafu ninbidlu u nadattaw ruħna biex nittrasmettu l-messaġġ ta’ Kristu anke jekk il-messaġġ fih innifsu jibqa’ dejjem l-istess.
Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku inkoraġixxa lill-katekisti li qed jipparteċipaw fis-symposium biex ikunu messaġġiera ferrieħa u gwardjani ta’ dak li hu tajjeb u sabiħ u jagħtu eżempju b’ħajjithom.