Il-katavru ta’ bintu nstab l-għada li talab fuq il-qabar ta’ Kristu

Miguela XUereb

Missier Charlene Farrugia, John Farrugia fil-Qorti qal li l-fdalijiet ta’ bintu nstabu l-għada li huwa kien żar il-qabar ta’ Kristu fl-Art Imqaddsa.

Fix-xhieda tiegħu li saret b’mod virtwali, John Farrugia spjega li huwa kien mar l-Art Imqaddsa mal-Arċipiet ta’ Ħaż-Żebbuġ Dun Daniel Cardona. Lejliet is-sejba tal-fdalijiet huwa żar il-qabar ta’ Kristu fejn talab bil-qawwa kollha biex jinstabu l-fdalijiet ta’ bintu.

John Farrugia kien qiegħed jixhed quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia fejn kompliet tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ John Paul Charles Woods li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru tagħha. Il-fdalijiet ta’ Charlene Farrugia kienu nstabu f’daħla f’sur fil-Belt Valletta.

John Paul Charles Woods fil-Qorti wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Huwa qiegħed jiskonta sentenza ta’ 7 snin ħabs wara li wieġeb ħati li wettaq hold-up fil-Gżira.

Farrugia missier il-vittma spjega li bintu kienet telqet mid-dar u marret tgħix mas-sieħeb tagħha f’Buġibba u kienet tieħu ħsieb l-ulied is-sieħeb tagħha. Meta mistoqsi mill-avukat difensur jekk kienx jaf min huma Jonathan, Abigail u t-Tito, missier il-vittma qal li bintu ġieli semmiet lil Abigail iżda lit-Tito qatt ma kien sema’ bih sakemm marru jagħmlu rapport l-għassa tal-Qawra dwar l-għibien ta’ bintu.

Farrugia spjega li huwa flimkien ma’ martu marru jagħmlu jfittxu lil binthom wara li l-aħħar li kien raha kien sid ta’ ħanut tal-merċa fil-Qawra. Żied li l-karozza ta’ bintu ma setgħux isibuha. Missier il-vittma kompla li martu bdiet sejra lura wara li binthom ġiet irrapurtata nieqsa u mietet fl-2011.

Fil-bidu ta’ din l-investigazzjoni Woods kien qal li hu qatel lil Charlene Farrugia u wara qattagħha biċċiet madankollu wara li saru aktar investigazzjonijiet Woods implika lil Jesmond Cassar magħruf bħala t-Tito. L-investigazzjonijiet dwar dan għadhom għaddejjin.