Il-Katalani ‘jirbħu d-dritt’ li jinqatgħu minn Spanja

Il-maġġoranza kbira tal-Katalani ivvutaw biex ir-reġjun jinqata’ mill-bqija ta’ Spanja u jkun rikonoxxut bħala stat indipendenti.
Ir-riżultat tar-referendum, li l-Gvern f’Madrid u anke l-Qorti Kostituzzjonali ddikjaraw bħala illegali, tħabbar tard ilbieraħ filgħaxija.
Skont il-mexxej tal-Katalunja, Carles Puigdemont, ir-reġjun issa għandu d-dritt jissejjaħ nazzjon u ħeġġeġ anke lill-Gvern Spanjol biex jiddikjara l-Katalunja bħala stat indipendent.
Uffiċjali Katalani qalu li 90% ta’ dawk li vvutaw, qablu li l-Katalunja jikseb l-indipendenza. It-turnout kien ta’ 42.3%.
Il-votazzjoni baqgħet għaddejja minkejja l-ġlied qalil li seħħ ilbieraħ bejn attivisti tal-Katalunja u l-Pulizija Spanjola.
Mill-inqas 761 persuna weġġgħu f’dan il-ġlied.
Fl-aħħar jiem, Pulizija saħansitra ssiġġilaw skejjel li fihom kellha ssir il-votazzjoni.
Carles Puigdemont qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jibgħat ir-riżultat lill-Parlament tal-Katalunja biex jimxi mal-liġijiet tar-referendum u jiddikjara l-indipendenza.
Il-Katalunja huwa reġjun sinjur fit-tramuntana ta’ Spanja u li fih jgħixu madwar 7.5 miljun persuna.
Dan ir-reġjun għandu l-kultura u l-lingwa tiegħu u minkejja li jgawdi awtonomija kbira, taħt il-Kostituzzjoni Spanjola mhux rikonoxxut bħala nazzjon.