Il-Katalunja tiddikjara l-indipendenza “fi ftit jiem”

Il-Mexxej tal-Katalunja, Carles Puigdemont qal li fi ftit jiem oħra, r-reġjun se jkun qed jiddikjara l-indipendenza tiegħu minn Spanja.
Waqt l-ewwel intervista miegħu mir-referendum ta’ nhar il-Ħadd li għadda, Carles Puigdemont qal li l-Gvern tiegħu se jkun qed jagħmel dan bejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa jew il-bidu tad-dieħla.
Żied jgħid li minn kemm ilu li ttieħed il-vot ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn il-Gvern Spanjol u l-amministrazzjoni tal-Katalunja.
Mal-BBC, huwa kkritika wkoll il-Kummissjoni Ewropea, meta qalet li dak li seħħ fil-Katalunja huma kwistjonijiet interni ta’ Spanja u għalhekk ma tistax tindaħal.
Sadanittant, anke r-Re Spanjol Filippu VI, qal li dawk li organizzaw il-vot kienu qed jiksru l-liġi u juru disrispett lill-istat.
Waqt li talab għall-għaqda, iddeskriva s-sitwazzjoni fi Spanja bħala “serja ħafna.”
Intant, mijiet ta’ Katalani organizzaw strajk ġenerali u niżlu fit-toroq jipprotestaw kontra l-vjolenza tal-Pulizija Spanjola li nhar il-Ħadd li għadda kienu nvoluti fi ġlied mal-votanti.
Madwar 900 persuna weġġgħu.