Il-Katalani bi strajk wara l-vjolenza waqt ir-referendum

Il-Katalani mistennija jingħaqdu fi strajk ġenerali iktar tard illum, sabiex jipprotestaw il-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom waqt ir-referendum tal-Ħadd li għadda.
Kienu l-asoċjazzjonijiet u t-trejdjunjins tal-ħaddiema Katalani li ħeġġewhom jistrajkjaw, u għalhekk mhu se jkun hemm l-ebda servizz tat-trasport pubbliku. L-iskejjel, l-universitajiet, il-mużewijiet u l-kliniċi tar-reġjun ukoll se jibqgħu magħluqin.
L-istrajk issejjaħ wara li iktar minn 760 persuna ndarbet minn uffiċjali tal-Gwardja Ċivili Spanjola li bdew jipprovaw iżommu lin-nies milli jivvutaw.
L-organizzazzjoni Rights International Spain u l-Unjoni tal-Libertajiet Ċivili għall-Ewropa lbieraħ sejħu għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Spanjoli, wara li ħarġu filmati li bdew juru biċ-ċar lill-Gwardja Ċivili Spanjola tabbuża mill-poter tagħha u tuża forza eċċessiva kontra Katalani li kienu qed jipprotestaw b’mod paċifiku nhar il-Ħadd li għadda.