Aġġornata: Is-sistema tal-BOV reġgħet qed taħdem

Għal xi ħin waranofsinhar, is-sistema tal-karti tal-kreditu tal-BOV ma kinitx qed taħdem b’diversi jilmentaw minħabba li ma setgħux jixtru jew iħallsu għal servizzi li kellhom bżonn is-Sibt waranofsinhar.

Kelliem għall-bank kif ukoll operaturi ta’ ħwienet f’Malta kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li ma setgħux jipproċessaw ħlas mingħand il-klijenti tal-bank.

Il-kelliem għall-BOV qal ma’ Newsbook.com.mt li l-problema jidher li tinsab fil-Point of Sale Terminals tal-bank, kif ukoll fis-sistema tal-ATM. Qal li l-bank qed jaħdem sabiex din il-problema tiġi riżolta kemm jista’ jkun malajr filwaqt li talab skuża għall-inkonvenjent.

“Klijenti kellhom imorru jġibu l-flus mid-dar”

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-PAMA fejn kelliema kkonfermat li dawn il-ħsarat qed jiġu esperjenzati madwar Malta kollha. Intant qalet li bosta klijenti kellhom jew iħallsu permezz ta’ cheque inkella kien hemm min kellu jmur id-dar sabiex iġib il-flus u jħallas ix-xirja. Jidher li l-problema tfaċċat kmieni wara nofsinhar.

Imsifrin u spiċċaw mingħajr flus

Bosta persuni li huma klijenti tal-bank u li jinsabu imsifrin spiċċaw mingħajr flus hekk kif il-karti tal-kreditu tagħhom mhux qed jaħdmu. Dan ħareġ kemm minn messaġġi mibgħuta direttament lil Newsbook.com.mt kif ukoll post fuq il-media soċjali.

Mara Maltija li tinsab f’Madrid qalet ma Newsbook.com.mt li għall-ħabta tas-2pm ippruvat tħallas għall-ikel li ordnat f’restorant iżda ż-żewġ karti tal-kreditu tagħha ma ġewx aċċettati. Qalet li inzertat kellha ftit flus u ħallset għall-ikel b’dak il-mod. Spjegat li issa spiċċaw iduru fil-vojt hekk kif ma tantx jistgħu jagħmlu affarijiet mingħajr aċċess għall-flus.