Il-karti ta’ debitu u kreditu ġodda ta’ BNF Bank se jkunu contactless

BNF Bank qed jgħin b’mod attiv permezz t’inizjattivi finanzjarji u inizjattivi fil-kommunita’ intiżi sabiex in-nies ikunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-pandemija COVID-19.

Fi starrija, il-bank qal li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-klijenti jistgħu ikomplu jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi biex iħallsu lura l-obbligi finanzjarji tagħhom. Il-klijenti ta’ BNF li qed jesperjenzaw diffikulta finanzjarja minħabba l-kriżi fuq is-saħħa, jistgħu jagħżlu li japplikaw mingħajr spejjeż, għal differiment fil-ħlas li bħalissa qiegħed fis-seħħ fuq self għal-dar, self personali u self għal Buy-to-Let. Qegħdin ukoll jestendu sa l-aħħar ta’ Ġunju l-offerta li iħallsu lura il-miżati relatati ma’ ġbid ta’ flus minn ATMs ta’ banek lokali li mhumiex ta’ BNF  Bank.

“Komplejna nagħtu prijorita’ lis-servizz lejn il-klijenti, fejn tmienja mit-tnax-il fergħa tal-Bank baqgħu joffru servizz komplut, minkejja l-pandemija, filwaqt li nħarsu ‘l quddiem biex fil-futur qarib nerġgħu niftħu dawk il-fergħat li kienu temporanjament magħluqa.  Fil-fergħat ta’ San Ġwann u Qormi, se ninstallaw żewġ magni biex jilqgħu depożiti ta’ flus,  għall-konvenjenza tal-klijenti. Minn Ġunju, il-karti ta’ debitu ta’ BNF li se jkunu qiegħdin jiskadu, se jiġġeddu għal tip contactless, filwaqt li sa l-aħħar tas-sena il-karti ta’ kreditu li ser ikunu qed jinħarġu ġodda se jkunu contactless ukoll.”

Għalkemm l-ambjent tan-negozju ġie definit mill-ġdid minħabba l-krizi, BNF itenni l-impenn li jkompli jgħin lill-kommunità tan-negozju sabiex tqum għall-okkażżjoni. B’kollaborazzjoni mal-Malta Development Bank (MDB), permezz ta’ garanzija bankarja maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi, BNF Bank issa qed joffri assistenza fuq working capital sabiex jgħin kumpaniji żgħar, medji u kbar li qed jiffaċċjaw sfidi biex ikomplu l-operat minħabba l-pandemija COVID-19. Klijenti kummerċjali jistgħu jagħżlu li japplikaw għal differiment fil-ħlas fuq self tan-negozju sabiex inaqqsu problemi ta’ likwidità.

“Filwaqt li nifhmu il-bżonnijiet individwali tal-klijenti tagħna u nħaffu it-talbiet tagħhom għall-għajnuna, BNF qed jgħin b’mod attiv proġetti fil-kommunita’ maħluqa minn Foodbank Lifeline Foundation, Hospice, Fondazzjoni Richmond u Inspire fost organizzazjonijiet mhux governattivi oħrajn. Sostnuti b’entużjażmu mill-impjegati ta’ BNF, l-għan li nikkolaboraw fuq inizjattivi filantropici matul dan iż-żmien, hu sabiex inkomplu ninfluwenzaw b’mod pożittiv il-progress soċjali.”

BNF Bank qiegħed ukoll jgħin lil Malta Together, inizjattiva krejattiva mhux għall-qliegħ intiża sabiex tgħin lin-nazzjon iżomm pożittiv matul din il-kriżi.

“Il-prijorità tagħna sa mill-bidu tal-pandemija, kienet li nagħtu l-fakulta’ lill-impjegati tagħna biex iħarsu u jibqgħu b’saħħithom matul il-pandemija COVID-19, u għamilna l-arranġamenti li kien hemm bżonn biex l-impjegati jkunu jistgħu jaħdmu f’postijiet oħrajn minflok fl-uffiċċju biex niżguraw servizz bla waqfien filwaqt li ngħinu fl-isforz biex innaqqsu l-imxija tal-pandemija.  Impjegati fil-fergħat u Customer Care qed iżommu kuntatt regolari mal-klijenti permezz ta’ online portals u l-Call Centre. Nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna għall-fiduċja li l-klijenti tagħna jogħġobhom jagħtuna. Ir-relazzjonijiet li bnejna mal-klijenti u l-imsieħba tagħna matul dan iż-żmien huma importanti ħafna għalina filwaqt li nwiegħdu li ser inkunu ta’ spalla għalihom filwaqt li nħarsu lejn futur aħjar.”

Dan il-kontenut imwassal minn BNF Bank