Il-Karta tal-Identità tan-Nisrani huma l-Beatitudnijiet

Il-Papa jqaddes quddiem il-Monument tal-Madonna fil-gzira Mauritius

Il-Beatitdnijiet huma l-Karta tal-Identità tan-Nisrani. Jekk xi ħadd jistaqsi: “X’għandu wieħed jagħmel biex ikun nisrani tajjeb”?, ir-risposta hi ċara. Kull wieħed bil-mod tiegħu jrid jagħmel dak li Ġesù qalilna fil-Priedka tal-Muntanja.

Dan qalu l-Papa Franġisku fil-Quddiesa li kienet il-qofol tal-ġurnata li għadda fil-gżira ta’ Mauritius fl-aħħar jum tal-vjaġġ apostoliku tiegħu fi tliet pajjiżi Afrikani.

Din il-quddiesa kienet ċelebrata qrib il-monument dedikat lill-Madonna fejn il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien iċċelebra ‘l Quddiesa tiegħu meta kien żar dan l-istess pajjiż 30 sena ilu. U bħala ġest simboliku biex ifakkar din iż-żjara Papa Franġisku uża l-istess baklu li kien uża l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1989.

Hu kalkulat li madwar 100,000 persuna attendew għal din il-Quddiesa f’Port Louis, il-kapitali tal-gżira. Dawn jagħmlu madwar 10% tal-poplu kollu tal-Mauritius.

Il-Beatitudnijiet

“Quddiem dan l-artal dedikata lill-Madonna Reġina tal-Paċi, fuq din il-muntanja mnejn nistgħu naraw il-belt kollha u l-baħar ‘l hinn minnha, aħna parti minn folla kbira, baħar ta’ uċuħ li ġew mill-Mauritius kollu u l-gzejjer tal-madwar fl-Oċean Indjan, biex jisimgħu lil Ġesù jippriedka l-Beatitudnijiet”, qal il-Papa.

Din it-tema kienet fil-qalba tal-Omelija tal-Papa li qabel il-Beatitudnijiet mal-Karta tal-Identità tan-nisrani. Biex tkun nisrani tajjeb trid tagħmel dak li Kristu qalilna fid-Diskors tal-Muntanja.  Fil-Beatitudnijiet wieħed isib “ritratt tal-Imgħallem li għandna nirriflettu dwaru fil-ħajja tagħna ta’ kuljum”.

Il-Beatu Jacques-Désiré Laval

Papa Franġisku għamel riferenza għall-Beatu Jacques-Désiré Laval, “l-Appostlu tal-Għaqda f’Mauritius”. Il-Mexxej tal-Knisja uża kwotazzjoni ta’ San Pawl u qal li l-Beatu Laval fehem li l-Evanġeliżazzjoni tfisser li “tkun kollox għal kulħadd”. Għalhekk Laval “tgħallem il-lingwa tal-iskjavi li kien għadhom kif inħelsu u wasslilhom l-Aħbar it-Tajva tas-Salvazzjoni b’lingwa sempliċi li setgħu jifhmu .

Il-ħidma u l-kura pastorali tal-Beatu Laval kisbitlu “l-fiduċja tal-fqar u l-imwarrba”, qal il-Papa. Bil-ħidma missjunarja u bl-imħabba tiegħu, Laval ta lill-Knisja fil-Mauritius żogħżija ġdida, ħajja ġdida li llum aħna mitluba biex inkomplu nmexxu ‘l quddiem”, qal Papa Franġisku lill-folla miġbura quddiemu.

Hu qal li momentum missjunarju għandu “wiċċ żagħżugħ u mimli enerġija. Għax huma ż-żgħażagħ li jistgħu jagħtuħ is-sbuħija u l-freskezza taż-żgħożija meta jimbuttaw lill-komunità nisranija għal tiġdid u jħeġġuna nfittxu direzzjonijiet ġodda”.

Papa Franġisku rrikonoxxa li dan mhux dejjem faċli. “Irridu nitgħallmu nagħrfu l-preżenza taż-żgħażagħ fostna u nagħmlulhom l-ispazju fil-komunitajiet u s-soċjetà tagħna”.

Iż-Żgħażagħ

F’din il-parti tal-Omelija tiegħu l-Papa dawwar ħarstu lejn iż-żgħażagħ b’mod speċjali. “Il-qgħad joħloq inċertezza dwar il-futur u dan iwassalkom biex tħossu li intom fil-periferija tas-soċjetà, jagħmilkom vulnerabbli u bla ħila quddiem forom ġodda ta’ skjavitu tas-seklu 21”.

Il-Papa qal li għalhekk iż-żgħażagħ għandhom ikunu l-“ewwel missjoni tagħna”. Ma rridux inkellmuhom fl-ajru jew mill-bogħod imma rridu “nitgħallmu l-lingwa tagħhom, nisimgħu l-istejjer tagħhom, inqattgħu ħin magħhom u nġiegħluhom iħossu li huma wkoll imberkin minn Alla”.

Insara ferħana

“Huma biss insara ferħana li jħajjru lill-oħrajn li jimxu fit-triq tas-sejħa ta’ Kristu biex ikunu mbierka”, qal il-Papa. Il-kelma “mbierek” tfisser “ferħ”. Hi sinonimu tal-qdusija għax tesprimi l-fatt li dawk li huma fidili lejn Alla u l-Kelma Tiegħu, jirbħu l-ferħ ta’ veru għax jagħtu lilhom infushom”.

Il-Papa Franġisku temm l-Omelija tiegħu billi kkonferma li meta ż-żgħażagħ jaraw il-proġett ta’ ħajja nisranija ferħana dan jinkoraġġihom u jeċitahom. “Huma wkoll iridu jitilgħu fuq il-muntanja tal-Beatitudnijiet biex jiltaqgħu mal-ħarsa t’Alla u jitgħallmu minnu t-triq tal-veru ferħ”.