Il-karriera ta’ Vettel ma’ Ferrari tintemm hawn?

Sebastian Vettel qed jissielet għall-futur tiegħu ma’ Ferrari wara li kien involut f’ħabta ma’ Charles Leclerc. Iż-żewġ sewwieqa kellhom jidhru quddiem il-kbarat tat-tim ġewwa Maranello HQ biex jispjegaw għaliex ġabu ruħhom b’dak il-mod.

Dan ġara ħames tidwiriet bogħod minn tmiem it-tellieqa tal-GP Brażiljan.

Għalkemm Marria Binotto, l-kbir ta’ Ferrari qed iżomm fommu magħluq dwar x’jaħseb mill-inċident, qed dejjem jikber il-ħsieb li l-ġranet ta’ Vettel ma’ Ferrari jistgħu jingħaddu fuq iż-żewġ idejn.

Vettel li jitħallas madwar £30 miljun kull staġun, fadallu sena oħra  fil-kuntratt li kien għamel. Madankollu xi sorsi qed jgħidu li spicca diżillużat wara li Leclerc ingħaqad mat-tim ta’ Ferrari.

Mindu Leclerc iffirma l-kuntratt ma’ Ferrari, deher biċ-ċar li kien qed jingħata aktar importanza lejh. Leclerc li għad għandu 22 sena għadu fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Ferrari. L-attenzjoni kompliet tiżdied meta rnexxielu jirbaħ il-GP Taljan.Min-naħa tiegħu Binotto qal li ma kienx lest jiġġurdika l-atteġġjament tas-sewwieqa.  Iżda qal li kien xortih tajba li dan ġara fi tmiem l-istaġun, biex b’hekk ikollu ċ-ċans jiġbor sett ta’ regoli flimkien.