Il-karreġġjata mill-Mellieħa għax-Xemxija ngħalqet “minħabba telqa tul is-snin”

Il-Ministru Ian Borg qal li l-karreġġjata li mill-Mellieħa tagħti għax-Xemxija ngħalqet minħabba t-telqa li tħalliet fiha għal għexieren ta’ snin.
Waqt laqgħa li kien qed jindirizza relatata ma’ aġġornamenti tekniċi dwar ix-xogħlijiet tal-pont tal-Mistra, il-Ministru Borg irrimarka li hemm diversi strutturi oħra f’qagħda simili li se jiġu studjati biex jibda x-xogħol fuqhom ukoll fiż-żmien li ġej.
Fost xogħlijiet oħra, esperti strutturali qed jaħdmu fuq studji relatati mal-istabbiltà tal-istruttura biex iħejju pjan sabiex tissaħħaħ parti mill-ħitan li jservu ta’ support għat-triq li tgħaddi mill-partijiet l-aktar qodma ta’ dan il-pont.
Il-pont aktarx għandu aktar minn 130 sena, u dawn il-partijiet imsemmija jinsabu f’riskju li jċedu.
Kien għalhekk li l-korsija li twasslek mix-Xemxija għall-Mellieħa ġiet magħluqa għas-sigurtà, u biex ma tkomplix issir aktar ħsara.
“In-nuqqas ta’ investiment fil-passat għall-manutenzjoni tan-network tat-toroq tagħna qed jinħass issa fuq l-infrastruttura tat-trasport, b’diffikultajiet u bi sfidi li għandhom bżonn iktar enerġija u investiment biex negħlbuhom”, spjega l-Ministru Borg.
Temm jgħid li din id-diffikultà hi wkoll opportunità għal Infrastructure Malta, l-entità li se titwaqqaf fil-jiem li ġejjin.