Il-karreġġjata li tagħti għall-Belt se tinfetaħ tard dil-ġimgħa

In-naħa tal-karreġġjata tal-flyover tal-Kappara li tagħti lejn il-Belt mistennija tinfetaħ aktar tard dil-ġimgħa.
Kelliem għal Transport Malta kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li din in-naħa tat-triq tinsab kważi lesta għall-karozzi, filwaqt li l-oħra li tagħti għat-Tramuntana ta’ Malta fadlilha xi jsir.
Huwa ppjanat li l-floyover tkun lesta sa Settembru li ġej, biż-żewġ direzzjonijiet joperaw kif sippost.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Jannar li għadda, dak li kien il-Ministru tal-Infrastruttura, Joe Mizzi, kien qal li x-xogħol dakinhar kien diġà jinsab fl-40% tiegħu.
F’Mejju mbagħad, il-Prim Ministru, Joseph Muscat, kien tenna li l-għan hu li x-xogħol kollu jitlesta sa qabel tibda l-iskola.
Il-proġett, li se jiġi jiswa madwar €35 miljun bi €33 minnhom fondi mill-Unjoni Ewropea, għandu tliet għanijiet ewlenin, jiġifieri li jelimina għalkollox l-iġġammjar fir-rawndebawt tal-Kappara, inaqqas l-inċidenti tat-traffiku bejn l-inħawi u l-Gżira, u jidderieġi lil hinn l-istorbju ġġenerat mit-traffiku.
Skont studji kkummissjonati mit-Ten-T, hu stmat li madwar 90,000 vettura kuljum kienet tgħaddi mir-rawndebawt l-antika.
Minbarra l-proġett, se jinħolqu wkoll 100 spazju għall-parkeġġ biswit il-Pixxina Nazzjonali.