Il-karozzi tal-linja l-ġodda b’disinn apposta għal Malta

Id-disinn tal-karozzi tal-linja l-ġodda li se jkunu Malta sa Ottubru li ġej, sar speċifikament għal Malta.
Waqt il-programm Mill-Polz taċ-Ċittadin fuq RTK, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li sa Ottubru se jkunu qed jitħaddmu l-maġġor parti tar-rotot il-ġodda u se jkunu waslu Malta 142 karozza tal-linja ġdida.
Semma wkoll servizz ġdid fejn permezz ta’ app, il-passiġġieri se jkunu jafu fejn waslet il-karozza tal-linja li jkunu qed jistennew, kif ukoll fi x’ħin tgħaddi l-vettura ta’ warajha.
Il-Ministru kkonferma wkoll artiklu li deher fuq Newsbook.com.mt li hekk kif jispiċċa l-kuntratt tal-UBS fl-aħħar ta’ Jannar, se jaslu karozzi tal-linja li kienu qed jintużaw fir-Renju Unit. Dawn se jkunu qed jintużaw fuq bażi temporanja, sakemm jaslu l-vetturi l-ġodda.
Cards
Dwar il-cards, il-Ministru qal li fl-ewwel sena l-cards għat-trasport pubbliku se jkunu qed jingħataw b’xejn lil kulħadd u mhux se jkunu jiskadu.
Mistoqsi jekk il-card hux se tkun trasferibbli, il-Ministru qal li għadu mhux magħruf jekk il-cards hux se jkunu personalizzati.  
Ix-xufiera tal-linja
Dwar l-ingaġġar ta’ xufiera ġodda, il-Ministru Mizzi qal li ħarġet sejħa għal 100 xufier ġdid, bil-prijorità tal-kumpanija Spanjola hi li x-xufiera jkunu Maltin.  Madanakollu ma eskludiex li wħud mix-xufiera se jiġu minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
Saħaq li x-xufiera se jingħataw taħriġ kif suppost anke b’simulators f’każ ta’ inċidenti jew xita.
Il-ħinijiet tal-vapuri t’Għawdex u tal-linja
Joe Mizzi spjega li l-Ministeru qed jaħdem biex tinbidel is-sistema u s-servizz tal-linja u tal-Gozo Channel ikunu sinkronizzati.
Qal li fit-terminal taċ-Ċirkewwa se jkun hemm bord li turi fejn tkun waslet il-karozza tal-linja.