Il-karozzi Tal-Linja kollha diżinfettati matul il-lejl – TM

Aġġornat 10:40 AM
Transport Malta

Read in English.

Transport Malta spjegat kif matul il-lejl li għadda, Transport Malta u Tal-Linja ħadmu flimkien sabiex ix-xarabankijiet tagħhom jiġu diżinfettati.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Transport Malta spjegat li l-proċess ta’ fumigazzjoni li sar fuq il-karozzi tal-linja jieħu madwar ħames minuti għal kull xarabank. Il-proċess sar fil-Park and Ride tal-Marsa u l-Furjana, fiċ-Ċirkewwa u fir-Rabat, Għawdex.

Ġie spjegat ukoll li matul il-lejl sar tindif estensiv ta’ numru ta’ bus stops u bus terminals, fosthom fil-Belt Valletta, l-Imsida Junior College, il-Marina ta’ Tas-Sliema, Bombi fil-Furjana, l-Isptar Mater Dei u Buġibba.

TM mhux se taċċetta aktar ħlas bi flus kontanti

Intant, permezz ta’ avviż fuq is-sit tagħha, Transport Malta ħabbret li kawża tat-tifrix tal-coronavirus, mhux se tibqa’ taċċetta ħlas bi flus kontanti fl-uffiċini tagħha f’Ħal Lija u Paola. Talbet lill-pubbliku sabiex il-ħlasijiet isiru permezz ta’ cheque jew karti tal-kreditu.

Transport Malta qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet bħala miżura ta’ sigurtà għall-ħaddiema tagħha u biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ tixrid.

L-iskejjel qed jgħaddu minn diżinfettazzjoni

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjonu, Frank Fabri, qal li qed isir tindif u diżinfettazzjoni fiċ-ċentru li ġie miftuħ għall-infermiera, it-tobba u l-kollegi tagħhom li qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei.

Tindif u sanitizzar fic-Centru li ftahna ghan-nurses, it-tobba u l-kollegi taghhom li jinsabu impenjati bis-shih biex jindokrawna f'dawn ic-cirkostanzi straordinarji:

Posted by Frank Fabri on Monday, March 16, 2020

Sospiżi s-seduti quddiem il-ġudikanti fil-Qorti

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar li s-seduti quddiem il-ġudikanti ġew sospiżi mill-bieraħ ‘il quddiem. Qal ukoll li mhux se jkun possibbli li jiġu preżentati atti fir-reġistri kollha. Qal li dan qed isir biex titnaqqas b’mod drastiku l-preżenza tal-professjoni legali u tal-pubbliku inġenerali.

Intqal ukoll li ttieħdu miżuri oħrajn biex fejn hu possibbli, impjegati tal-Qorti jkunu jistgħu jaħsmu bit-telework.

Kull min ikollu diffikultà jista’ jċempel il-helpline tal-Qorti fuq 2590 2000.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn