Aġġornata: Il-karozza ta’ Duminku Mintoff se tiġi rrestawrata

Wara li Newsbook.com.mt dalgħodu żvela l-istorja li l-karozza Austin Princess li kienet tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff ġiet trasferita għand Heritage Malta mill-garaxx tal-kwartieri tal-Pulizija fil-Floriana biex tiġi restawrata, il-pulizija għadhom kif ippubblikaw aktar dettalji.

Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt, bħalissa uffiċjali ta' Heritage Malta bdew ir-riċerka tagħhom fuq l-istorja ta' din il-karozza.

Il-karozza manifatturata fis-sittinijiet, jidher li kienet tintuża wkoll mill-ex Prim Ministru Gorg Borg Olivier. 

Kif titlesta r-riċerka fuq l-istorja tal-karozza, mistenni jinbeda proċess ta’ restawr akkurat.

Fl-istqarrija, il-pulizija qalet li din il-karozza ġiet mgħoddija lill-kollezzjoni nazzjonali, wara li uffiċjal tal-pulizija kien konxju tas-sinifikat storiku tagħha.

L-Austin Princess kienet waħda mill-aktar karozzi lussużi meta nxtrat bħala karozza uffiċjali tal-Prim Ministru George Borg Olivier fis-sittinijiet.

Il-karozza hi mżejna b’injam, panelli u seats tal-ġilda u tapit ta’ kwalità għolja, flimkien ma’ partition tal-ħġieġ bejn is-seats ta’ wara u tax-xufier għall-privatezza.

Kien waqt il-Gven Laburista li l-karozza kienet miżmuma mill-mekkaniċi tal-korp tal-pulizija, li kienu obligati jsewwuha jkun x'ħin ikun. Huwa mifhum li r-raġuni wara dan kienet l-effiċjenza u s-sigurtà.

Il-futur tal-karozza deher inċert meta ma baqgħetx tintuża u kien probabbli għalhekk li grazzi għall-eks-Surġent Alfred Stivala baqgħet f’idejn il-gvern.

B’biża' li l-Austin Princess setgħet tiġi distrutta jew mibjugħa, is-Surġent Stivala żamm il-karozza fil-garaxx tal-Korp tal-Pulizija, fejn kienet riċentement miżmuma mill-Ispettur Anthony Agius, li llum huwa l-uffiċjal inkarigat mill-faċilità.

Heritage Malta ngħatat ukoll pjanċa tar-reġistrazzjoni sewda bl-arma preċedenti tar-repubblika tal-ħadid fuqha u l-bandiera nazzjonali magħmula biex tiflaħ għar-riħ meta tittajjar fuq quddiem waqt attivitajiet uffiċjali.