Il-karozza ta’ Borg Olivier u Mintoff għall-wiri minn għada

Minn għada se tkun għall-wiri fil-Birgu, il-karozza Austin Princess li l-Prim Ministru George Borg Olivier uża fl-Indipendenza u l-Perit Duminku Mintoff uża waqt id-diskussjonijiet għall-Ħelsien.
Il-karozza restawrata se tkun għall-wiri fuq wara tal-Mużew Marittimu bejn għada wara nofsinhar u nhar it-Tnejn meta ssir iċ-ċerimonja uffiċjali ta’ Jum il-Ħelsien.
F’Settembru li għadda, Newsbook.com.mt żvela li l-karozza ġiet trasferita għand Heritage Malta mill-garaxx tal-Pulizija fil-Floriana biex tiġi restawrata.
Uffiċjali ta' Heritage Malta għamlu r-riċerka fuq l-istorja ta' din il-karozza li kienet manifatturata fis-sittinijiet. Wara beda l-proċess ta’ restawr akkurat.
Il-karozza issa hi parti mill-kollezzjoni nazzjonali. L-Austin Princess kienet waħda mill-aktar karozzi lussużi meta nxtrat bħala karozza uffiċjali tal-Prim Ministru George Borg Olivier fis-sittinijiet.
Il-karozza hi mżejna b’injam, panelli u seats tal-ġilda u tapit ta’ kwalità għolja, flimkien ma’ partition tal-ħġieġ bejn is-seats ta’ wara u tax-xufier għall-privatezza.
Heritage Malta ngħatat ukoll pjanċa tar-reġistrazzjoni sewda bl-arma preċedenti tar-repubblika tal-ħadid fuqha u l-bandiera nazzjonali magħmula biex tiflaħ għar-riħ meta tittajjar fuq quddiem waqt attivitajiet uffiċjali.