Il-karozza kontroversjali għand il-PL

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jagħti għall-irkant lill-Partit Laburista, il-karozza tiegħu, li kien juża matul il-leġiżlatura li għaddiet. Minħabba l-użu ta’ din il-karozza personali tiegħu, Dr Muscat kien jirċievi €7,000 fis-sena f’allowance.
Il-karozza ta’ Joseph Muscat, li kienet għal żmien twil fiċ-ċentru tal-kontroversja, hija Alfa Romeo tal-2008.
Waqt il-programm Dissett, Dr Muscat qal li wara li kien ikkritikat għax kien qed jikri l-karozza tiegħu għal użu uffiċjali, iddeċieda li issa jibda juża karozza tal-Gvern.
Fl-2013, fil-Parlament Dr Muscat kien spjega li huwa ma kien qed jagħmel xejn illegali meta żamm il-karozza tiegħu u kien spjega li qed juża sistema li kienet iddaħħlet minn Gvern Nazzjonalista. Dr Muscat qal li parti mill-flus li se jidħlu mill-karozza se jmorru għall-karità.
Joseph Muscat kien l-ewwel Prim Ministru li ddeċieda li jikri l-karozza personali tiegħu lill-Gvern.