Il-Karnival tas-Sajf għall-ewwel darba f’Għawdex

Għawdex se jkollu għall-ewwel darba karnival fis-sajf, li se jsir is-Sibt l-1 ta’ Settembru.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali f’Għawdex, Mons. Dr Joe Vella Gauci rrimarka li din l-attività se tkun ċelebrazjoni ta’ festa interkulturali hekk kif il-parteċipanti se jkunu kemm għaqdiet karnivaleski Għawdxin kif ukoll Maltin. Il-programm jinkludi wkoll attivitajiet b’mużika rock u jazz.

Id-Direttur Annabelle Stivala minn Festivals Malta semmiet tliet attivitajiet ewlenin, fosthom:

  • Exiled Voices – wirja fotografika mill-artist Reza, fotografu rinomat tan-National Geographic. Din se tkun fil-bitħa ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex u se tirtatta l-esperjenzi u d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom l-immigranti irregolari. Għal din il-wirja qed jikkontribwixxu l-fotografi Maltin Darrin Zammit Lupi u Charles Mifsud u se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 2 ta’ Settembru.
  • Il-Ħamis 30 ta’ Awwissu se jsir Rock Legends – kunċert ta’ mużika rock
  • Il-Ġimgħa 31 ta’ Awwissu se ssir il-ħames edizzjoni tal-Jazz Do, bil-parteċipazzjoni ta’ Charles City Gatt, George Curmi ‘Il-Pusè’ u artisti internazzjonali oħra.

L-attivitajiet huma kollha bla ħlas u qed jitħejjew mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Kunsill Malti għall-Arti.