Il-Karnival 2014 se jsir fi Pjazza San Ġorġ

Waqt il-preżentazzjoni tal-premijiet lir-rebbieħa li ħadu sehem fil-Karnival, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura, Jose Herrera ħabbar li mis-sena d-dieħla l-pjazza tal-Karnival se tiġi organizzata fi Pjazza San Ġorġ.

Herrera qal li d-deċiżjoni li l-pjazza tal-Karnival tmur lura fejn kien jiġi organizzat kważi 40 sena ilu, wara li sema’ lill-parteċipanti u x-xewqa tagħhom.

Ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla se jiġu introdotti karrijiet u maskeruni b’satira politika.

Jose Herrera ħabbar ukoll li s-Sibt tal-Karnival se tkun lejla sħiħa ta’ attivitajiet fil-Belt Valletta simili għal dik organizzata waqt in-Notte Bianca iżda fuq tema tal-Karnival.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li b’sinjal ta’ rieda tajba, ta direzzjoni biex jinħafru l-multi kollha li ngħataw din is-sena.

Għaddejjin ukoll kuntatti ħalli jsiru skambji barra minn ma’ Viareggio u Notting Hill.

Is-sena d-dieħla l-Karnival se jsir bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu.

 

Ritratt: DOI – Clifton Fenech