“Il-kariżma tal-Agostinjani tibqa’ valida sal-lum” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li għalkemm għaddew is-snin u nbidlu ż-żminijiet, il-kariżma tal-Ordni tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija mwaqqaf minn Madre Maria Teresa Spinelli, tibqa’ valida sa llum.
Huwa qal dan waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr li saret fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem.
Iddeskriva bħala “barka mis-sema” il-71 sena tal-preżenza tas-Sorijiet Agostinjani fid-Djoċeżi Għawdxija.
L-Isqof Grech spjega li l-fatt li dan l-aħħar il-Papa Franġisku rrikonoxxa lil Madre Maria Teresa Spinelli bħala Venerabbli, turi kemm tul il-medda tas-snin fil-Knisja kien hemm nisa bħalha li kienu strumenti ta’ bidla.
Semma kif l-edukazzjoni tat-tfajliet foqra kienet appostolat ħafna għal qalb Madre Spinelli.
L-Isqof Grech għalaq il-messaġġ tiegħu billi talab għal aktar vokazzjonijiet biex dawn is-sorijiet jissuktaw bl-appostolat tagħhom fil-qasam tat-tagħlim u l-formazzjoni Nisranija tat-tfal u ż-żgħażagħ.