Il-karità hi fil-qalba tal-Knisja

F’messaġġ li ħareġ, il-Papa Franġisku faħħar l-intuwizzjoni profetika ta’ San Vinċenz de Paul meta qal biex “nagħtu valur il-ħiliet straordinarji tan-nisa li dehru fil-finezza spiritwali u s-sensibbiltà umana ta’ Santa Luisa ta’ Marillac”.
Il-Papa qal liż-żewġ kongregazzjonijiet imwaqqfa minn San Vinċenz – id-Daughters of Charity u l-Congregation of the Mission – biex ikomplu bil-ħidma tagħhom u jagħrfu lil Kristu f’dawk li huma fqar u bla vuċi.
“Iż-żelu ta’ San Vinċenz de Paul biex jgħin lill-fqar kien l-istrument li Alla uża biex fil-Knisja hawn tant ġenerożità. Iż-żerriegħa żgħira tal-umiltà u l-karità tiegħu kibru f’siġra kbira li jiffurmaw il-kongregazzjonijiet tagħkom”, qal il-Papa f’ittra li bagħat il-ġimgħa li għaddiet lill-Familja Vinċenzjana li qed tiċċelebra l-400 sena mit-twaqqif tagħha.
“Fil-qalba tal-familja tagħkom hemm it-tfittxija ta’ dawk l-aktar miżerabbli u abbandunati li ma jixraqx li nċaħħduhom mis-servizz umli tagħna”, qal il-Papa.
“Intom imsejħa biex tilħqu l-periferiji tal-kundizzjoni umana u twasslulhom mhux biss il-ħiliet tagħkom imma wkoll l-ispirtu ta’ Alla, il-missier tal-fqar. Hu jibgħatkom fid-dinja bħal żerriegħa li tikber fuq art niexfa, balzmu fuq il-feriti, nar ta’ karità li jsaħħan tant qlub”, qalilhom Franġisku.
L-Insara kollha msejħa biex jimxu fuq l-eżempju ta’ San Vinċenz De Paul u jagħtu aktar ħin u spazju lill-foqra għax “il-Kristjanità mingħajr kuntatt ma dawk li jsofru tkun Kristjanità vojta li mhux kapaċi tmiss lil Kristu. Iltaqgħu mal-fqar, għinuhom, agħtuhom vuċi biex il-preżenza tagħhom ma tkunx imsikkta mill-kultura ta’ dak li hu effimeru”, qalilhom il-Papa.