Il-Kardinali jiddiskutu d-dmirijiet tal-Papa u kif se jitjieb ix-xogħol tal-Kurja

Il-kelliem għas-Santa Sede Patri Federico Lombardi qal li l-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kardinali li saret il-bieraħ wara nofsinhar, 145 Kardinal laħqu qbil unanimu li l-Konklavi jsir nhar it-Tlieta. Id-data tal-Konklavi tħabbret fi tmiem il-laqgħa tal-bieraħ filgħaxija.

Waqt din il-laqgħa, inidirizzaw il-kulleġġ 15-il Kardinal. S’issa tkellmu 123 Kardinal, u sal-aħħar tal-Konklavi se jkunu tkellmu 150. Uħud se jindirizzaw lill-Kulleġġ darbtejn.
Dalgħodu ntlaħaq qbil li l-Kardinali se jitrasferixxu ruħhom lejn Dar Santa Marta nhar it-Tlieta stess, mis-7am. Meta jibda’ l-Konklavi ftit tas-siegħat wara, il-Kardinali jkunu jinġabru fi klawsura. Il-quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru tibda fl-10:00am.

Fost is-suġġetti diskussi dalgħodu kien hemm id-dmirijiet tal-Papa l-ġdid u l-mod kif se jitjieb ix-xogħol tal-Kurja.

Nhar it-Tnejn se jieħdu l-ġurament dawk il-persuni li se jgħinu waqt il-Konklavi. Dawn se jwiegħdu riżervatezza fl-17:30. Filgħodu se jkun hemm kongregazzjoni ġenerali li fiha l-Kardinali se jkomplu jagħmlu d-diskorsi tagħhom.

Nhar it-Tlieta l-purċissjoni minn Santa Marta għal San Pietru tibda fl-16:30.

Ġiet maħtura kummisjoni responsabbli li ma jkun hemm ebda aċċess għall-Konklavi minn persuni mhux awtorizzati.

Id-duħħan li juri jekk inħatarx Papa jew le se jfeġġ f’nofsinhar u fis-7pm. Iżda jekk jinħatar Papa, duħħan abjad joħroġ bejn l-10:30am u l-11:00am, jew bejn l-5:30pm u s-6:00pm.

Jekk ma jinħatarx Papa wara tlett’ijiem, nhar is-Sibt ikun dedikat għat-talb.

Patri Federico Lombardi qal li kien preżenti meta nqerdu ħames oġġetti tal-Papa Emeritu, li huma ċ-ċurkett, is-siġill taċ-ċurkett, żewġ bolol u siġill ieħor li jintuża għal dokumenti ta’ ċertu valur.

Id-disinn taċ-ċurkett tal-Papa l-ġdid se jkun bħal dak ta’ qablu, bid-differenza li isem il-Papa jkun differenti. Minbarra ċ-ċurkett li jilbes il-Papa, ikun hemm ukoll replika li fuqha jkun hemm is-siġill.