Il-Kardinali huma msejħa biex iservu l-poplu t’Alla

“Il-Kardinali  mhumiex imsejħa biex ikunu prinċpijiet tal-Knisja imma biex iservu l-poplu t’Alla. Alla jsejħilkom biex isservu bħalu u miegħu, taqdu 'l Alla u lil ħutkom il-bnedmin”. Dan kien l-awgurju li l-Papa Franġisku għamel meta ltaqa’ mal-ħames kardinali ġodda li ħatar riċentement.
Il-Kardinali l-ġodda huma: Jean Zerbo tal-Mali li għandu 73 sena; Juan Jose Omella ta’ Barcellona li għndu 71 sena;  Anders Arborelius ta’ Stokkolma li għandu 67 sena; Louis-Maraie Ling Mangkhanekhoun ta’ Laos ta’ 73 sena u Gregorio Rosa Chavez ta’ El Salvador, li għandu 74 sena.
F’taħdita li kellu ma’ dawn il-kardinali, il-Papa Franġisku qalilhom li  d-dnubiet li se jħabbtu wiċċhom magħhom illum huma “l-innoċenti li jsofru u jmutu bħala vittmi tal-gwerra u t-terroriżmu; id-diversi forom ta’ skjavitù li jkomplu jfarrku d-dinjità tal-bniedem minkejja li ninsabu fi żmien id-drittijiet umani; il-kampijiet tar-refuġjati li ħafna drabi aktar jixbhu l-infern u l-purgatorju; u l-kultura li narmu dak li ma għadux iservina, anke lin-nies”.
Madwar 450 Svediż, inkluż il-mexxejja tal-Luterani u l-Ortodossi marru Ruma biex jattendu għall-ordinazzjoni tal-Kardinal Arborelius li fosthom kien hemm ukoll grupp ta’ Salvadorenji jgħixu l-Isvezja biex jattendu għall-ħatra tal-Kardinal Chavez.
Il-Kardinal minn San Salvador kien ħabib personali tal-Beatu Oscar Romero tant li fl-istemma tiegħu poġġa il-pjanta tal-klin għax bl-ispanjol Romero tfisser din il-pjanta, kif ukoll simbolu tal-persekuzzjoni li għaddiet minnu l-Knisja f’El Salvador.
Meta il-Kardinal Omella kien mistoqsi kif se tinbidel ħajtu issa li sar Kardinal qal li “is-siġra issa kibret u ftit se tinbidel. Jien se nibqa’ l-istess persuna. Din m’hix xi promozzjoni. Dak li hu mitlub minni issa hu aktar servizz għall-Knisja bil-mod kif jgħallem il-Papa Franġisku li jmur jaħsel riġlejn il-priġunieri”.
Il-Kardinal Ling ta’ Laos kien intbagħat tliet snin ħabs għax wara li Laos sar pajjiż komunista, kien imur ixandar l-Evanġelju bil-moħbi fl-irħula u l-ħabsijiet u kien arrestat fl-1984 u akkużat li ‘għamel propaganda favur Kristu’. Fit-tliet snin li għamel fil-ħabs kien kontinwament marbut bil-ktajjen f’idejh u riġlejh.