Il-Kardinal Wuerl se jitlob lill-Papa jaċċetta r-riżenja tiegħu

Il-Kardinal Wuerl kritikat li ħeba każi ta' abbużi sesswali

L-Arċidjoċesi ta’ Washington fl-Istati Uniti qalet li l-Kardinal Wuerl dalwaqt jitlob lill-Papa Franġisku biex jaċċetta r-riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Washington.  F’ittra li bagħat lill-qassisin ta-djoċesi l-ġimgħa li għaddiet, il-Kardinal qalilhom li dalwaqt se jiltaqa’ mal-Papa biex jiddiskuti l-futur tiegħu.

Kelliem għall-Arċidjoċesi kkonferma li fil-laqgħa li jmissu mal-Papa, l-Kardinal kien se jitolbu jħallih jirriżenja. “Il-Kardinal  jifhem li l-fejqan mill-kriżi tal-abbużi sesswali jinħtieġ bidu ġdid u dan jinkludi tmexxija ġdida għall-Arċidjoċesi ta’ Washington.”

Skont il-Liġi Kanonika, Wuerl oriġinjarment kien offra r-riżenja tiegħu fit-12 ta’ Novembru 2015 wara li għalaq il-75 sena.

Wara li Wuerl mar Ruma lejn l-aħħar ta’ Awwissu li għadda, kien hemm rapporti fil-midja li qalu li l-Papa Franġisku qallu biex jirritorna lejn Washington u jikkonsulta mal-kleru dwar l-aħjar triq ‘l quddiem għalih u għad-djoċesi. F’laqgħa mal-qassisin, Wuerl qalilhom li kien se jitlob u jirrifletti kif l-aħjar jipproċedi.

Il-Kardinal Wuerl f’dawn l-aħħar xhur kien taħt kritika qawwija. Bħala s-suċċessur tal-Kardinal McCarrick, hu kien affaċċjat b’ħafna mistoqsijiet dwar x’kien jaf dwar l-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali li saru fil-konfront ta’ McCarrick, li saru magħrufa għall-ewwel darba fl-20 ta’ Ġunju li għadda.

Wara li ħareġ ir-rapport tal-Grand Jury dwar il-Pennsylvania, ir-rekord tal-Kardinal Wuerl bejn l-1988 u l-2006 meta kien Arċisqof ta Pittsburgh, tpoġġa f’dubju. Xi każi fir-rapport qajjmu tħassib li Wuerl ħalla saċerdoti li kienu akkużati b’abbużi, jibqgħu fil-ministeru tagħhom.

Għalkemm sarulu diversi sejħiet biex jirriżenja u anke saru dimostrazzjonijiet barra r-residenza tiegħu, kien magħruf li Wuerl ried jibqa’ fil-kariga sa Novembru li ġej meta jmissha ssir il-laqgħa ġenerali tal-Isqfijiet.

Diversi sorsi qed isemmu lilll-Arċisqof Bernard Hebda ta’ St Paul, f’Minneapolis, biex jieħu post il-Kardinal Wuerl. Hebda mar f’Minneapolis fl-2015 bħala Amministratur Apostoliku t’emerġenza wara r-riżenja tal-Arċisqof Nienstedt, li wkoll kien akkużat b’kondotta sesswali mhux xierqa.

Hu kiseb il-fama ta’ riformatur li jieħu interess mill-qrib fl-affarijiet tad-djoċesi u kien irnexxielu joħroġ lid-djoċesi minn proċess twil ta’ falliment finanzjarju wara li sarulha diversi kawżi għad-danni minħabba abbużi sesswali.