Il-Kardinal Tobin mhux se jattendi għas-Sinodu taż-Żgħażagħ

Il-Kardinal Tobin irrinunzja għas-Sinodu biex jibqa' mal-merħla tiegħu fi żminijiet diffiċli
Il-Kardinal Joseph Tobin, Arċisqof ta’ Newark, aktar kmieni dan ix-xahar informa lin-nies kollha tad-djoċesi tiegħu li mhux se jattendi għas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jiftaħ f’Ruma nhar it-Tlieta 2 ta’ Ottubru u jibqa’ sejjer sal-aħħar tax-xahar id-dieħel.
Aktar kmieni din is-sena, il-Papa Franġisku, kien talab lil dan il-Kardinal biex jattendi għal dan l-avveniment importanti fil-ħajja tal-Knisja.
F’ittra lin-nies ta’ Newark, il-Kardinal qal: “Is-Sinodu hu mument uniku u importanti fil-ħajja tal-Knisja u jien kont onorat li l-Papa Franġisku nnominani bħala membru ta’ din il-laqgħa speċjali li s-suġġett tagħha: “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali” hu ta’ importanza vitali għall-Knisja llum u fil-futur.
“Madankollu, kif tafu intom, l-Arċidjoċesi ta’ Newark qed issofri ħafna mill-kriżi tal-abbużi sesswali li għadha qed tinkixef. Wara r-rivelazzjonijiet tas-sajf li għadda, ma nistax nimmaġinani assenti għal xahar sħiħ mid-djoċesi u minnkom, il-poplu fdat fil-kura tiegħi.”
“Wara li tlabt u kkonsultajt, ktibt lill-Papa Franġisku u tlabtu jiddispensani milli nattendi għas-Sinodu filwaqt li assigurajtu mill-appoġġ sħiħ tiegħi għall-miri tas-Sinodu u li jien nimxi ma’ kulma jiġi deċiż.”
Il-Kardinal Tobin żied jgħid fl-ittra, li: “Il-Papa weġibni l-għada stess b’messaġġ pastorali sabiħ u mimli kumpassjoni.  Qalli li hu jifhem għaliex jinħtieġli li nibqa’ hawn qrib id-djoċesi u ħallni mill-obbligu tiegħi li nattendi għas-Sinodu.”
Sadattant, il-Kardinal Lorenzo Baldisseri li kien maħtur mill-Papa Franġisku biex jipprepara għal dan is-Sinodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet spjega li l-iskopijiet primarji ta’ din il-laqgħa tal-Isqfijiet huma li s-Sinodu jagħmel lill-Knisja kollha konxja mir-rwol importanti u obbligatorju tagħha li takkumpanja lil kull żagħżugħ/a, mingħajr esklużjoni, lejn il-ferħ tal-imħabba. It-tieni, billi tieħu din il-missjoni bis-serjetà, il-Knija nnifisha takkwista dinamiżmu żagħżugħ ġdid. It-tielet hu importanti wkoll għall-Knisja li tieħu din l-opportunità biex tagħmel dixxerniment vokazzjonali biex tiskopri mill-ġdid kif l-aħjar tista’ tirrispondi għas-sejħa li tkun ir-ruħ, il-melħ u l-ħmira tad-dinja.