Il-Kardinal tal-Venezwela jrid li jkun hemm elezzjonijiet trasparenti

Fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, l-Arċisqof ta’ Caracas sejjaħ biex isiru elezzjonijiet serji u trasparenti li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jafdaw fir-riżultat tagħhom biex titaffa l-kriżi serja li qed tolqot lill-pajjiż.
“L-2017 kienet waħda traġika ħafna għall-Venezwela għax rat ħafna vjolenza politika li ħalliet aktar minn 120 persuna maqtula f’attakki fuq dimostrazzjonijiet li għamel il-poplu”, qal il-Kardinal Jorge Uroa Savino.
Bħalissa l-Venezwela qed tesperjenza kriżi ekonomika. L-inflazzjoni splodiet u hemm nuqqasijiet kbar ta’ ikel u mediċini. 
Il-President Soċjalista, Nicolas Maduro, se jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet li se jsiru din is-sena.  F’Lulju li għadda hu waqqaf Assemblea Kostitwenti li ngħatat awtorità ogħla mill-Parlament li kien ikkontrollat mill-Oppożizzjoni.
Saru protesti kbar kontra din l-Assemblea Kostitwenti li fihom il-forzi tas-sigurtà qatlu numru ta’ persuni.
Fil-messaġġ tiegħu l-Kardinal, filwaqt li kkundanna l-vjolenza tiġi minn fejn tiġi, inkoraġixxa d-difiża paċifika tad-drittijiet tal-individwi u sostna li “biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta, li hi ġejja minn problema politika, hemm bżonn li jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali skont kif titlob il-Kostituzzjoni. Iżda hu mportanti li jkun garantit li dan isir f’kundizzjonijiet ġusti u raġjonevoli u bi trasparenza biex il-poplu jkun jista’ jaċċetta r-riżultat”.
Il-Kardinal u l-erba’ isqfijiet awżiljarji li jgħinuh ġeddew it-talba tagħhom biex jinħelsu l-priġunieri politiċi, u qalu li nnutaw bi pjaċir li diġà bdew jittieħdu xi passi f’dan ir-rigward. 
Bħalissa hemm madwar 180 priġunier politiku, u l-Gvern ħabbar li se jeħles 80 minnhom għal dawn iż-żminijiet.
Minħabba n-nuqqas kbir ta’ ikel fil-pajjiż, l-isqfijiet appellaw għas-solidarjetà b’azzjonijiet konkreti bħalma hu t-twaqqif ta’ kċejjen popolari u dak kollu li jista’ jtaffi xi ftit mit-tbatija tal-foqra, partikolarment tfal neqsin minn ikel sustanzjuż.
L-isqfijiet qalu li minkejja d-diffikultajiet, “immexxija mill-fidi u mimlija bit-tama nibdew din is-sena  b’sentimenti ta’ fiduċja f’Alla u bit-tama ta’ sena aħjar għall-familji tagħna u għall-Venezwela maħbuba tagħna”.