Il-Kardinal Tagle jmexxi marċ ta’ protesta kontra l-President tal-Filippini

Kattoliċi u membri ta’ gruppi Nsara oħra fil-Filippini għada se jagħmlu marċ ta’ protesta biex joppponu tibdil fil-Kostituzzjoni li qed jitqies li hu maħsub biex il-President Rodrigo Duterte jdaħħal tmexxija atoritarja fil-pajjiż.
Il-Kardinal Antonio Luis Tagle ta’ Manila, li hu wkoll il-Kap tal-Caritas Internazzjonali, se jmexxi dan il-marċ bit-tema “Mixja għall-Ħajja”, lejlet it-32 anniversarju minn meta tneħħa mill-poter id-dittatur Ferdinand Marcos.
Parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi u għaqdiet tal-lajċi mistennija jieħdu sehem f’din il-protesta. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Kattoliċi Lajċi ħabbar li dan il-marċ se jitlob għal investigazzjoni fil-fond dwar il-ħafna każi ta’ qtil marbuta mad-droga li kemm ilu fil-poter Duterte laħħqu l-eluf.
Il-Kunsill diġà ħareġ stqarrija u kkundanna tibdil fil-Kostituzzjoni li se jwassal biex jitnaqqru b’mod sistematiku r-riżorsi naturali tal-pajjiż permezz ta’ proġetti ta’ żvilupp li se jeqirdu l-ibħra, ix-xmajjar, il-foresti, l-art u sorsi oħra ta’ ħajja.
F’dawn l-aħħar xhur sorijiet u patrijiet minn diversi kongregazzjonijiet reliġjużi ngħaqdu fi protesti kontra l-ġlieda mdemmija tal-Gvern kontra dawk suspettati li jieħdu d-droga u kontra dawk li jxerrdu d-droga.
Madankollu l-Isqfijiet jidhru li qed ikunu attenti kif iħarsu lejn Duterte.
Kien hemm fosthom min iġġustifika l-metodi goffi tiegħu filwaqt li oħrajn staħbew meta l-President beda jattakka lill-kleru b’korruzzjoni u abbużi sesswali.
Iżda issa, it-tibdil propost għall-Kostituzzjoni fl-aħħar wassal il-ġerarkija tal-Knisja biex tipprotesta sew.
Dan it-tibdil se jagħti lill-Parlament diskrezzjoni sħiħa biex jiftaħ setturi ewlenin, bħalma huma l-edukazzjoni, biex jinxtraw u jkunu kkontrollati minn barranin. Din se toħloq sfida għall-iskejjel u l-universitajiet tal-Knisja fosthom ħafna li huma meqjusa li jipprovdu l-aħjar edukazzjoni fil-pajjiż.
Il-Konferenza Episkopali tal-Filippini wissiet li ħafna mill-proposti li jrid idaħħal Duterte huma antidemokratiċi u se jolqtu ħażin lill-foqra.
Min-naħa l-oħra l-President qed jgħid li l-bidla hemm bżonnha biex ikunu rranġati inġustizzji sotriċi mal-provinċji tal-pajjiż, u jsostni li l-federaliżmu se jagħti saħħa ġdida lill-ekonomija billi jħalli ħames stati awtonomi ġodda biex jidħlu f’kuntratti għal self, joint ventures u jkollhom dħul ta’ investiment barrani.
Iżda fil-fatt it-tibdil propost se jxekkel l-istituzzjonijiet demokratiċi u jikkonsolida l-poter f’idejn mexxej awtoritarju. L-abbozz tal-Kostitutzzjoni l-ġdida se jneħħi ħafna mis-salvagwardji li huma maħsuba biex jgħinu lill-ħaddiema, sajjieda, bdiewa u l-poplu indiġenu biex ikollhom żvilupp ekonomiku.
Iżda l-aktar bidla perikoluża hi maħsuba biex tneħħi l-kontrolli meħtieġa fuq l-awtoritajiet u ma tħallihomx jabbużaw mill-poter.
Anke l-ġudikatura se titpoġġa taħt il-poter ta’ Kap Eżekuttiv sakemm jibqa’ fil-poter Duterte u b’hekk il-Filippini mhux se jkollhom fejn jirrikorru meta jkollhom ilmenti kontra l-Istat.
L-Isqfijiet qed jinsistu li kull tibdil fil-Kostituzzjoni għandu jservi biex iwaqqaf il-ksur sfaċċat tad-drittijiet umani, jiċċara d-differenza bejn l-istituzzjonijiet demokratiċi, iwessa’ s-separazzjoni tal-poteri tal-istat, iġib ġustizzja soċjali u jwarrab is-sistema ta’ patrunaġġ politku u d-dinastiji politiċi li llum jokkupaw u jikkontrollaw aktar minn 80% tal-pożizzjonijiet elettivi fil-pajjiż.
“Il-viżjoni ta’ Duterte għall-futur tal-pajjiż tmur kontra l-pożizzjoni tal-Knisja. Ejja ma nħallux terġa’ tidħol id-dittatura fil-pajjiż qabel nieħdu passi”, qal l-Isqof Broderick Pabillo, Ċermen tal-Kummissjoni Episkopali għal-lajċi.