Il-Kardinal Tagle jappella għal ħidma favur l-ambjent

Eluf ta’ persuni, fosthom ħafna student ħadu sehem fil-“Mixja għall-Ħolqien” li saret fil-Filippini nhar il-Ħadd li għadda. ( CARITAS PHILIPPINES)

Il-Kardinal Luis Antonio Tagle ta’ Manila, filwaqt li kien qed jinawgura l-Istaġun tal-Kreazjoni b’ċelebrazzjoni apposta nhar il-Ħadd li għadda,  stieden lill-insara biex “inġeddu l-impenn tagħna” bħala kuraturi tal-ħolqien.

L-aġenzija tal-aġbarijiet ZENIT irrappurtat li ċ-ċelebrazzjoni ħadet il-forma ta’ Quddiesa fil-beraħ fil-Pjazza tal-Quezon City Memorial, enfasizza li r-rgħiba u prattiċi ħsiena oħra huma l-kawża ewlenija tal-problemi ambjentali.

“Insejna kif nindukraw is-siġar tagħna, l-annimali, l-ilma u l-art. Sirna rgħiba u ddisprezzajna d-Dar Komuni tagħna”, qal fl-Omelija, il-Kardinal.

Għalhekk “nappella lil kulħadd: ejjew inġeddu l-impenn tagħna li nirrispettaw lil xulxin u l-ħajja ta’ madwarna”, żied jgħid.

Nibdlu l-istil ta’ ħajjitna

Il-mexxej tal-Kattoliċi fil-Filippini enfasizza li jekk “mhux se nibdlu r-relazzjoni tagħna ma xulxin u mal-eko-sistema ta’ madwarna, mhux se jibqalna xejn x’niċċelebraw.  Għalhekk hemm bżonn urġenti li nibdlu l-istil ta’ ħajja tagħna. “S’issa għadu mhux tard wisq. Għandna l-opportunità li kuljum niċċelebraw l-“Istaġun tal-Kreazzjoni” billi nirrispettaw, inħobbu, nuru kumpassjoni”, żied jgħid il-Kardinal Tagle.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd li għadda f’Manila kienet  il-“Mixja għall-Ħolqien” li fiha ħadu sehem eluf ta’ persuni minn skejjel differenti, parroċċi, komunitajiet reliġjużi u gruppi ambjentalisti.

Dawn kollha wiegħdu li se jagħmlu azzjonijiet konkreti u sostenibbli li jindirizzaw l-isfidi tal-kriżi ekoloġika attwali.

L-Isqof Pablo Virgilio David ta’ Kalookan, li hu l-Viċi President tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini u l-Isqof Honesto Ongtioco ta’ Cubao, ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ma’ eluf kbar ta’ nsara.

Sa mill-1989, l-insara Ortodossi ilhom iżommu l-1 ta’ Settembru bħala Jum ta’ Talb għall-Ħolqien u din it-tradizzjoni issa adotta wkoll  il-Papa Franġisku. Fil-fatt il-Papa jħeġġeġ lill-Kattoliċi biex iqisu x-xahar ta’ Settembru li fih inrawwmu kuxjenza dwar l-ambjent u l-protezzjoni tiegħu, sal-4 ta’ Ottubru, festa ta’ San Franġisk t’Assisi li hu l-patrun tal-ambjent.

Il-pjaneta fi kriżi

Fr. John Leydon, “il-pjaneta tagħna tinsab fi kriżi”. Qal li l-Knisja qed tagħraf dejjem aktar ta’ dak li suppost nagħmlu f’din is-sitwazzjoni”.

“Aħna msejjħa biex naduraw ‘l Alla bħala l-Ħallieq. L-istaġun tal-Kreazjoni hu żmien speċjali li hu riservat għat-talb u biex ninfetħu għall-kelma tiegħu li nisimgħu fil-karba tad-dinja u l-karba tal-fqir”, qal Fr Leydon.

Min-naħa tiegħu, Fr. Edwin Gariguez, Segretarju Eżekuttiv tal-Caritas tal-Filippini qal li “ma nistgħux nibqgħu għaddejjin qisu m’hu jiġri xejn.  Il-Knisja, bħall-Gvern u setturi oħra tas-soċjetà għandna sfida li nieħdu l-emerġenza tal-klima b’urġenza. Ma nistgħux nibqgħu biss osservaturi.  Jekk irridu nibqgħu nissejħu ulied Alla, irridu nibdew nieħdu ħsieb xulxin kif ukoll id-Dar Komuni Tagħna”.