Il-Kardinal ta’ Sri Lanka jwissi li l-poplu jista’ jieħu l-liġi f’idejh

Wieħed mill-funerali għall-vittmi li nqatlu fi knejjes Kattolici fi Sri Lanka f'Ħadd il-Għid

Wara l-attakki ta’ Ħadd il-Għid fuq numru ta’ knejjes u lukandi fi Sri Lanka, li fihom inqatlu aktar minn 250 persuna, il-Knisja fil-pajjiż trid tkun raġġ ta’ tama. Imma skont il-Kardinal Malcolm Ranjith, jekk l-awtoritajiet ċivili biex se jsibu lil min wettaq dawn l-attakki u jipproċessawh ikunu qed jirriskjaw li l-poplu jieħu l-ġustizzja b’idejh.

“Irrid niddikjara li jista’ jkun li ma nkunux kapaċi nikkontrollaw lin-nies jekk ma jkunx hawn aktar sigurtà fil-pajjiż. Ma nistgħux nagħmlu wegħdiet foloz lill-poplu u nżommuh kalm. Hu appella lill-Gvern biex jimplimenta miżuri biex in-nies ma jieħdux il-liġi f’idejhom,” wissa’ l-Kardinal.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-kapitali Colombo ftit jiem ilu, l-Kardinal Ranjith akkuża lill-Gvern li “qed jitfa’ l-ħtija fuq ħaddieħor” għal dak li ġara f’Ħadd il-Għid u ħoloq Kummissjoni biex tinvestiga l-każ, magħmula minn pensjonanti u uffiċjali rtirati flok inforza l-liġi u ggarantixxa s-sigurtà tal-komunità Kristjana.

Wieħed iwaħħal fl-ieħor

“Min hu fil-poter mhux qed jieħu passi u minflok qed naraw lil wieħed iwaħħal fl-ieħor b’riżultat li l-pajjiż u l-poplu qed ikomplu jbatu. Jekk il-Gvern preżenti m’għandux l-istrutturi meħtieġa biex jiġġieled it-terroriżmu, fil-futur se jkun impossibbli li l-poplu jibqa’ kwiet”, wissa’ l-Kardinal.

Hu appella lill-partiti politiċi kollha biex iwarrbu d-differenzi politiċi. Sostna li ma hemm ebda tip ta’ koordinazzjoni fil-ħidma tas-sigurtà u staqsa minn offra appoġġ lit-terroristi u min tahom aċċess għall-isplussivi li użaw fl-attakki tagħhom.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” irrappurtat li sadattant numru ta’ qassisin, sorijiet u lajċi volontarji flimkien mal-membri tal-Caritas qed iżuru l-familji milquta minn dawn l-attakki u joffru għajnuna u solidarjetà. Dawn qed jiġbru informazzjoni dwar il-mejta u l-feruti biex ifasslu programm ta’ għajnuna.