Il-Kardinal tal-Gwatemala jżur emigranti li nqabdu fl-istat ta’ Mississippi

Il-Kardinal Alvaro Ramazzini iżur il-parroċċa ta’ Sant’ Anna f’Carthage fil-Mississippi. (Credit: Photo courtesy of Rich Kalonick / Catholic Extension.)

L-ewwel żjara pastorali barra minn pajjiżu minn kemm ilu li sar Kardinal f’Otturbu li għadda, l-Arċisqof Alvaro Ramazzini, għamilha fl-istat ta’ Mississippi fl-Istati Uniti biex iżur u juri solidarjetà ma’ grupp ta’ immigranti mill-Guatemala li se jkunu suġġetti għall-akbar deportazzjoni li qatt saret minn xi stat Amerikan.

Madwar 700 persuna f’Awwissu li għadda kienu arrestati wara li awtoritajiet tal-emigrazzjoni f’dan l-istat għamlu tfittxijiet f’fabbriki li jipproċessaw il-laħam u sabu lil dawn in-nies jaħdmu bla permess. Dawn kienu lkoll miżmuma u mifruda minn uliedhom.

Tama

Nhar is-sibt li għadda l-Kardinal Ramazzini żar lil dawn l-emigranti u qalilhom: “Intom mintomx kriminali. Intom qegħdin hawn għax pajjiżkom ma kienx kapaċi jagħtikom dak li intom għandkom dritt għalih. Iżda hemm tama li l-affarijiet jirranġaw.

Iż-żjara tal-Kardinal tal-Guatemala kienet preparata mill-organiżazzjoni “Catholic Extension” li toffri għajnuna fl-aktar reġjuni foqra tal-pajjiż. Iż-żjara lill-emigranti u r-refuġjati kompliet turi l-importanza ta’ waħda mit-temi li l-Papa Franġisku dejjem enfasizza tul il-pontifikat tiegħu.

Joe Boland, Viċi President tal-Catholic Extension, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX li ż-żjara tal-Kardinal lill-emigranti kellha mumenti ta’ ferħ u ta’ biki. Kien hemm biki minn membri ta’ familji li ntlaqtu mill-arresti u ferħ għax il-Kardinal tagħhom mar iżurhom.

Il-Kardinal Ramazzini qal lill-ġurnalisti f’Mississippi “Jien inkwetat ħafna dwar is-sitwazzjoni tan-nies tal-Guatemala. Hu dover ta’ kull nisrani li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-emigranti. Dawk li ma jagħmlux hekk huma ateisti jew ma jemmnux. Ikunu aktar onesti milli kieku jgħidu li huma nsara u mbagħd mhux kapaċi jagħrfu lil Kristu fil-proxxmu tagħhom”.

Fil-parroċċa ta’ Sant’Anna fir-raħal ta’ Carthage il-maġġoranza tat-800 parruċċan jaħdmu f’impjanti tal-ikel fejn saru l-arresti tal-emigranti li uħu minnhom għadhom miżmuma. Waqt li l-Kardinal Ramazzini kien qed iżur id-diversi parroċċi tad-djoċesi intlaqa bi bnadar tal-Guatemala, nies fit-toroq ixejjru u ppreparawlu xi ikel biex jiekol xi ħaġa tul il-vjaġġ twil tiegħu.

Konfużjoni

Father Roberto Mena tal-knsija ta’ San Mikiel fil-belt ta’ Forest fl-istat ta’ Mississippi qal lill-ġurnalisti li fi żmien fejn il-familji mill-Guatemala jinsabu konfużi ħafna, il-Kardinal ġibilhom ftit konfort u serħan il-moħħ. Li tkun qrib dawn in-nies f’mumenti diffiċli li  għaddejjin minnhom, iż-żjara tal-kardinal kienet importanti ħafna. Ħafna minn dawn in-nies huma konfużi u mdejqa. Huma mħassba bis-sitwazzjoni għax ma jafux x’se jsir minnhom u mill-familji tagħhom.

Din hi trawma kerha partikolarment għal dawk it-tfal li l-ġenituri tagħhom huma miżmuma. Fl-iskola t-tfal ikunu mwissija biex ma jitkellmux dwar is-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom minħabba l-biża li jkomlu jkunu vittimizzati.

Catholic Extension min-naħa tagħha użat iż-żjara tal-Kardinal biex nidiet inizjattiva dwar is-saħħa mentali biex twieġeb għall-ħtiġijiet psikoloġiċi tal-familji li għaddew minn din is-separazzjoni minn uliedhom.

Matul din iż-żjara il-Kardinal Ramazzini kontinwament tkellem dwar il-ġustizzja u enfasizza l-fatt li hu possibbli li waqt li tkun qed tiġi nfurzata l-liġi li tkun qed tikser prinċipji ta’ ġustizzja.