Il-Kardinal ta’ Brussell jappoġġja ċerimonja ta’ talb għall-koppji gay

Il-Kardinal Jozef De Kesel ta’ Brussell ftit jiem ilu ltaqa’ ma’ delegazzjoni żgħira minn grupp ta’ gays lokali li talbu biex jiltaqgħu miegħu.
Wara din il-laqgħa l-Kardinal esprima t-tħassib tiegħu għall-qagħda tagħhom u wasslilhom ir-rispett tiegħu lejhom.
Meta kien qed iwieġeb domandi ta’ dan il-grupp il-Kardinal tkellem ukoll dwar ir-relazzjonijiet tagħhom bħala koppji b’differenza miż-żwieġ Nisrani bejn raġel u mara. Madankollu, l-għaqda tagħom xorta tinvolvi laqgħa personali.
Il-Kardinal Kesel esprima x-xewqa tiegħu li jwieġeb għat-talba tal-koppji gay Insara li huma involuti f’relazzjoni stabbli u dejjiema li xtaqu jkollhom rikonoxximent simboliku mill-Knisja.
“Iżda dan ir-rikonoxximent ma setax jieħu l-forma ta’ “żwieġ reliġjuż” u anqas xi barka ekkleżjastika li tixbah ħafna 'l-barka taż-żwieġ” qal Mons Kesel.
“Jekk nies gay xorta jixtiequ simbolu Kristjan tal-għaqda tagħhom, naħseb li din tista’ tieħu l-forma ta’ ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament u talb li fiha ma jistax ikun hemm l-għoti ta’ kunsens issiġillat bil-bdil taċ-ċrieket”.
Il-Knisja għad għandha riżervi fuq din il-kwestjoni għax trid tippreżerva l-valur kbir taż-żwieġ u l-familja kemm jista’ jkun.
Il-midja Belġjana xerrdet din l-aħbar b’mod mifrux ħafna u enfasizzat li l-Kardinal De Kesel kien qed jieħu “pożizzjoni rivoluzzjonarja”.
Iżda fil-fatt il-Kardinal b’dak li qal kien qed jikkonferma l-pożizzjoni tal-Knisja fuq din il-kwestjoni.
De Kesel ilu Arċisqof ta’ Malines-Brussels mill-2015 u hu magħruf għall-moħħ miftuħ tiegħu fuq ċerti suġġetti.
Fl-ewwel omelija li kien għamel bħala Arċisqof kien qal li jrid jaħdem għal Knisja li tkun “aktar miftuħa u attenta għall-foqra u dawk l-aktar vulnerabbli.