Jgħid li meta titqarben bilwieqfa u f’idejk qed tisma’ mix-Xitan

Skont il-Kardinal Robert Sarah, Kap tad-Dipartiment tal-Liturġija tal-Vatikan, id-drawwa mifruxa fost il-Kattoliċi li jitqarbnu fuq l-idejn u bil-wieqfa hi parti mill-attakk tax-Xitan fuq il-Knisja.
Fid-daħla li kiteb għal ktieb dwar dan is-suġġett, il-Kardinal ilmenta min-nuqqas ta’ qima lejn is-Sagrament.
“L-aktar attakk insidjuż hu li wieħed jipprova jtemm il-fidi fl-Ewkaristija, jiżra' l-iżbalji u jiffavorixxi mod mhux xieraq kif wieħed jirċievi s-sagrament”, kiteb il-Kardinal.
“Il-ġlieda bejn San Mikiel u l-Anġli fuq naħa u Satana u l-oħrajn fuq in-naħa l-oħra qed tkompli fil-qlub tal-fidili: Il-mira ta’ Satana kienu s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u l-preżenza reali ta’ Kristu fl-ostja konsagrata.
“Għaliex nibqgħu ninsistu li nitqarbnu fl-idejn u bil-wieqfa? Għaliex din in-nuqqas ta’ sottomissjoni għar-rieda t’Alla?
Li titqarben għarkupptejk u fuq l-ilsien hu aktar xieraq għal dan is-sagrament. Nittama li nerġgħu niskopru u nippromwovu s-sbuħija tal-valur pastorali ta’ dn il-mod ta’ tqarbin. Fil-fehma tiegħi din hi kwestjoni importanti li l-Knisja trid tirrifletti fuqha. Dan hu att ta’ adorazzjoni u mħabba li kull wieħed minna jista’ joffri lil Kristu”.
Il-kitba tal-Kardinal Sarah se tidher bħala “daħla” fi ktieb ġdid “It-Tqarbin fl-Idejn: stħarriġ storiku, ġuridiku u pastorali” miktub minn Don Federico Bortoli li se jkun ippublikat f’dawn il-jiem.
Il-Kardinal isostni li fit-tqarbin fuq l-idejn “jintilef ħafna frak mill-Ostja li għalkemm żgħir xorta hu l-Ġisem ta’ Kristu.  Jekk ma nirrispettawx dan jista’ jwassal biex in-nies titlef t-twemmin fil-preżenza reali ta’ Kristu, u tibda taħseb li anke jekk il-kappillan ma joqgħodx attent għal dan il-frak għax meta jqarben il-frak jista’ jinfirex, allura jfisser li Kristu mhux hemm jew qiegħed hemm biss sa ċertu punt”.
Hu kkritika wkoll diversi affarijiet oħra li jmorru kontra s-Sagrament Imqaddes, fosthom il-Quddiesa s-Sewda li hi quddiesa satanika, it-tqarbin meta wieħed ikun fid-dnub il-mejjet u t-tqarbin minn persuni mhux Kattoliċi. It-tqribin mhux bħal kull ikel ieħor.
“Għaliex aħna daqshekk insensittivi għas-sinjali li joffrilna Kristu nnifsu biex nikbru spiritwalment u nidħlu f’relazzjoni intima miegħu?”, jistaqsi. “Għaliex ma ninżlux għarkupptejn biex nitqarbnu kif kienu jagħmlu l-qaddisin”?  Hu daqshekk umiljanti li nagħmlu inkin u ninżlu għarkupptejna quddiem il-Mulej Ġesù Kristu?”