Il-Kardinal Prospero Grech jagħlaq 90 sena

Il-Kardinal Malti Prospero Grech, proprju lbieraħ lejlet il-Milied iċċelebra għeluq id-90 sena tiegħu. 
Il-Kardinal Grech twieled fl-24 ta’ Diċembru 1925, jifforma parti mill-Ordni Agostinjan u kien wieħed mill-fundaturi tal-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma. 
Patri Grech mhux minn dejjem ried jingħaqad ma’ ordni reliġjuż. 
Wara li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien serva tliet xhur fl-Army, kien beda l-kors tal-mediċina fl-Università ta’ Malta.  Kien sena wara, fl-1943, li ddeċieda li jidħol mal-Patrijiet Agostinjani 
Fi Frar ta’ tliet snin ilu, il-Papa Benedittu ħatru bħala t-tieni kardinal Malti.  
Il-Kardinal Prospero Grech ħadem f'diversi universitajiet barra minn Malta, f'kummissjonijiet Pontifiċji u kien ukoll Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. 
Ilbieraħ ukoll, il-Kardinal Grech iċċelebra l-quddiesa ta’ nofsillejl fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fejn kien hemm preżenti l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca, fejn tawh rigal tal-okkażjoni.
Ritratt: OPR