Il-Kardinal Pell vittma tal-“Preżunzjoni tal-Ħtija”

L-avukati tal-Kardinal George Pell, li qed ikun akkużat b’abbużi sesswali, fl-ewwel ġurnata li l-każ beda jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Melbourne, akkużaw lill-Pulizija ta’ Victoria, li qed jakkużawh, li qed jippreżumu li l-Kardinal li għandu 76 sena, huwa ħati, minflok li jqisuh innoċenti sakemm jinstab ħati kif titlob il-liġi.
L-Avukat Robert Richter, qal fil-Qorti li l-pulizija ma mxewx kif titlob il-liġi meta jkun hemm prosekuzzjoni kontra persuni prominenti proprju għaliex assumew li l-Kardinal hu ħati.
Id-difiża opponiet talba tal-Prosekuzzjoni biex parti mix-xhieda kontra l-Kardinal titneħħa mill-proċess. Id-difiża qed issostni li l-Pulizija ma investigatx tajjeb dak li qalu madwar 21 xhud li b’dak li qalu jistgħu jeħilsu lill-Kardinal mill-akkużi.
Il-Kardinal Pell ilu minn Ġunju li għadda fuq “liv” mill-Vatikan fejn jokkupa l-kariga ta’ Prefett tas-Segreterija Ekonomika, biex ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu. 
Hu sa mill-bidu nett ċaħad l-akkużi kontrih. Pell kien Arċisqof ta’ Melbourne bejn l-1996 u l-2001 u wara Arċisqof ta’ Sydeney sakemm fl-2014 il-Papa Franġisku ħatru fil-kariga attwali tiegħu.  Hu kien sar Kardinal fl-2003.
Il-Prosekuzzjoni ammettiet li xi kliem u dati fl-akkuża ta’ abbużi sesswali jinħieġ li jkunu rranġati.  Il-ġimgħa li għaddiet, il-prosekuzzjoni stess iritirat waħda mill-akkużi kontra l-Kardinal Pell.
Il-wasla tal-Kardinal Pell fil-Qorti ta’ Melbourne ġibdet interess qawwi mill-midja filwaqt li barra l-Qorti nġabret folla nies, uħud biex jagħtuh appoġġ u oħrajn biex jinsulentawh.  Hu kien imħares mill-Pulizija kemm meta wasal kif ukoll meta telaq mill-Qorti.
Il-Maġistrat Belinda Wallington li qed tisma’ l-każ aċċettat li numru ta’ xhieda jixhdu permezz ta’ video conference u jkollhom persuna tal-fiduċja tagħhom preżenti waqt li qed jixhdu u anke li l-Kardinal ikollu persuna viċin tiegħu fil-Qorti minħabba l-età u l-kundizzjoni ta’ saħħtu. 
Il-kawża qed tinstema’ bil-magħluq.  Madwar 50 persuna mistennija jixhdu fil-kumpilazzjoni biex imbagħad il-Qorti tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed provi biex il-Kardinal Pell jgħaddi ġuri, jew le.