Il-Kardinal Pell meħlus mill-akkużi ta’ abbuż sesswali

FILE PHOTO - REUTERS/Mark Dadswell/File Picture

Read in English.

Il-Qorti Għolja tal-Awstralja ħelset lil George Pell, li qabel kien it-teżorier tal-Vatikan, mill-akkużi ta’ abbuż sesswali ta’ żewġ ġuvintur lura fis-snin disgħin, biex b’hekk il-kardinal ta’ 78 sena ma weħel l-ebda sentenza ta’ ħabs.

Il-Qorti Għolja ordnat li jitħassru l-akkużi kollha kontra Pell, fejn huwa nħeles mill-akkużi kontrih, u b’hekk intemm l-aktar każ xokkanti ta’ allegat abbuż sesswali storiku li heżżeż il-Knisja Kattolika.

Is-seba’ mħallfin tal-Qorti Għolja qablu b’mod unanimu li l-ġurija fil-każ tal-kardinal “kellu jkollha dubji” dwar il-ħtija tiegħu. Pell, li baqa’ jsostni l-innoċenza tiegħu matul il-proċess kollu, ma jistax jerġa’ jitressaq quddiem il-qrati. 

“Ma għandi l-ebda rabja kontra min akkużani, ma nixtieqx li l-maħfra li ngħatajt iżżid mal-weġgħa u r-rabja li għandhom ħafna persuni; żgur li hawn biżżejjed sentimenti ta’ uġigħ u rabja,” qal Pell f’dikjarazzjoni ftit qabel ma ttieħed mill-ħabs ta’ sigurtà għolja ħdejn Melbourne, Barwon Prison.

Il-Vatikan ma kellu l-ebda kumment dwar dan il-verdett li ngħata f’nofs il-Ġimgħa Mqaddsa, il-perjodu li jwassal għall-Għid, l-aktar data importanti fil-kalendarju Kristjan. Il-Papa Franġisku, li ħatar lil Pell biex jorganizza s-sistema tal-finanzi tal-Vatikan lura fl-2014, kien qal li huwa se jagħti kumment biss wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi kollha tal-appell. 

L-organizzazzjoni Survivors Network of those Abused by Priests (SNAP) iddikjarat li hija tassew ixxukkjata u ddispjaċuta b’dan ir-riżultat. “Din hija sentenza diżappuntanti, li tkompli tenfasizza n-nuqqas ta’ fiduċja tal-vittmi,” iddikjarat SNAP Australia.

Pell, persuna ta’ influwenza għolja li ħoloq kontroversja minħabba l-opinjonijiet konservattivi tiegħu, baqa’ kardinal imma tilef ir-rwol tiegħu ta’ teżorier is-sena l-oħra, meta sar l-uffiċjal Kattoliku bl-aktar kariga għolja fil-dinja li ddaħħal il-ħabs minħabba akkużi ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal.

Il-kardinal kien qed jiskonta sentenza ta’ sitt snin fuq akkuża ta’ abbuż ta’ persuna minorenni taħt is-16-il sena, u erba’ akkużi ta’ atti indeċenti ma’ persuna minorenni taħt is-16-il sena, li ntqal li seħħew matul iż-żmien meta Pell kien l-arċisqof tal-belt ta’ Melbourne.

L-ewwel smigħ kontra Pell intemm meta l-ġurija ma setgħetx tilħaq deċiżjoni, imma t-tieni proċess fl-2018 intemm b’sentenza unanima ta’ ħtija. Pell ma xehed fl-ebda wieħed mill-proċessi ġuridiċi.

Qorti tal-appell kienet ikkonfermat is-sentenza ta’ Pell, imma l-Qorti Għolja ddeċidiet li din ma kinitx qieset evidenza li kellha tqajjem dubji dwar il-ħtija tiegħu. Il-Qorti Għolja semmiet preċedent minn każ mhux relatat, minħabba “possibilità sinifikanti li persuna innoċenti kienet ġiet akkużata minħabba li l-evidenza ma kinitx tistabbilixxi ħtija sal-livell meħtieġ ta’ prova.”

Il-persuna li ressqet l-akkuża kontra Pell, wieħed miż-żewġ subien li allegatament kienu abbużati mill-arċisqof, kien qal li l-atti ta’ abbuż kienu seħħew ftit wara l-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, fis-sagristija u fil-kuritur tal-Katidral ta’ San Patrizju f’Melbourne, meta Pell kien għadu liebes il-ħwejjeġ tal-quddies.

L-imħallfin tal-Qorti Għolja indikaw evidenza mhux ikkontestata minn uffiċċjali tal-knisja matul il-proċess ta’ Pell, li tipikament wara l-quddies hu kien jgħaddi l-ħin jitkellem mal-insara li jkunu attendew il-quddies fuq it-taraġ tal-knisja, li hu dejjem kien ikun akkumpanjat minn qassis meta jkun liebes il-ħwejjeġ tal-quddies, u li s-sagristija ġeneralment kienet tkun mimlija bin-nies u bl-attività wara l-quddies.