Il-Kardinal Parolin jirrifletti dwar il-Pontifikat ta’ Papa Franġisku

F’intervista mal-Vatican News li kienet ippubblikata nhar it-Tlieta, il-Kardinal Pietro Parolin, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, offra riflessjonijiet dwar il-ħames snin tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku u sostna li l-karatteristika ewlenija ta’ dan il-pontifikat hi “Il-Ferħ”.
“Nixtieq ngħid li l-karatteristika fundamentali ta dan il-Pontifika hi l-ferħ, ferħ li żgur mhux frott ta’ xi traskuraġni, imma li jitwieled mill-fatt li wieħed jagħraf li Alla jħobbu”.
Żewġ karatteristiċi oħra huma il-Ħniena u l-Evanġelizzazzjoni.
Il-Kardinal Parolin enfasizza l-fatt li llum il-Knisja hi aktar miftuħa u dan jista’ jwassal għal ġudizzji konfliġġenti, differenti u kultant opposti dwar il-Papa, li spiss iwasslu biex ikun ikkritikat.
“F’ċertu sens dan hu normali għax il-Papiet kollha kienu kkritikati. Imbagħad hemm kritika li hi distruttiva, aggressiva, kritika veru negattiva – imbagħad hemm il-kritika kostruttiva”, qal Parolin.
Hu qal li l-kritika aggressiva u distruttiva wieħed irid jeħodha bħala parti mill-kuruna tax-xewk li lkoll irridu nġorru, partikolarment dawk li għandhom responsabbiltajiet fil-Knisja li allura għandhom irwol pubbliku.
Għal dik li hi kritika kostruttiva “Inħoss li din għandha tkun ikkunsidrata għax tista’ tgħin biex ikun hemm titjib u wieħed itejjeb is-servizz li jagħti. Il-kritika kostruttiva hi dik li toħroġ minn attitudni ta’ mħabba u li tkun immirata biex tibni l-għaqda fil-Knisja”, qal is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.